26 TA’ APRIL 2014
Valletta saru Champions għat-22 darba fl-istorja tagħhom meta għelbu lil Birkirkara 2-0 fl-aħħar logħba tal-kampjonat. Il-logħba kienet ripetizzjoni ta’ dak li seħħ fl-istaġun 1997/98, meta dakinhar Valletta kienu ħarġu rebbieħa wkoll kontra Birkirkara fl-aħħar logħba, meta t-tnejn kienu qed jisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat. Il-logħba kienet milgħuba quddiem 10,663 spettatur u kienet mimlija tensjoni. Valletta riedu rebħa bilfors filwaqt li draw kien ikun biżżejjed biex Birkirkara jirbħu l-kampjonat għat-tieni staġun konsekuttiv għall-ewwel darba fl-istorja.
It-tim immexxi minn Andrè Paus kellu l-aqwa bidu possibbli meta mar fil-vantaġġ wara żewġ minuti bi free-kick mill-isbaħ ta’ SHAUN BAJADA li ma tax ċans lil Justin Haber. Birkirkara bdew ġejjin f’tagħhom u fit-tmien minuta, il-gowlkiper Belti Nukri Revishvili dawwar f’korner daqqa ta’ ras ta’ Zach Muscat. Wara li xutt fil-baxx ta’ Luke Montebello ġie salvat minn Haber, Birkirkara reġgħu kienu perikolużi b’Revishvili jdawwar f’korner xutt ta’ Gareth Sciberras minn pożizzjoni angolata.
Fit-tieni taqsima, Birkirkara żiedu l-pressjoni u Valletta kienu kostretti jiddefendu l-gowl minimu, għalkemm xorta kkontrollaw għal ħafna ħin. Birkirkara marru viċin id-draw fl-84 minuta meta Revishvili salva minn mal-art konklużjoni ta’ Ronnalie. Ftit wara, Temile ra lill-gowlkiper Belti jsalva b’rifless eċċellenti minn fuq il-linja. Reġa’ kien Temile li fid-89 minuta kellu xutt li għadda ċentimetri barra.
Valletta aċċertaw mir-rebħ tal-kampjonat fit-93 minuta meta Lateef Elford Alliyu qassam lejn Alan da Silva Souza li kompla għan-nofs lejn RODERICK BRIFFA li b’xutt b’saħħtu fil-baxx għeleb lil Justin Haber. Ma’ dan il-gowl, il-partitarji Beltin flimkien ma’ dawk ta’ fuq il-bank, daħlu fil-pitch, bir-referee Chris Lautier jagħżel li jtemm il-partita wara t-tielet minuta ta’ ħin miżjud. Wara l-partita, il-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo ppreżenta t-trofew lill-captain ta’ Valletta Ryan Fenech.
//= $special ?>