27 TA’ APRIL 1997
Bħal-lum 23 sena ilu, is-sewwieq Heinz-Harald Frentzen kiseb l-ewwel rebħa fil-karriera tiegħu meta spiċċa fl-ewwel post fil-Grand Prix ta’ San Marino fiċ-ċirkwit ta’ Imola. Ir-rebħa ta’ Frentzen pattiet għad-diżappunt ta’ sieħbu Jacques Villeneuve, li fil-karozza l-oħra Williams-Renault, kien kostrett jirtira minħabba problemi fil-gearijiet. Għal Frentzen dawn kienu wkoll l-ewwel punti tal-istaġun.
Frentzen kellu jegħleb l-isfida tas-sewwieq ta’ Ferrari Michael Schumacher li tul it-tellieqa kienu qrib xulxin. Schumacher qabeż lil Frentzen fil-ħruġ u baqa’ wara Villeneuve għal diversi dawriet. Is-sewwieq Ġermaniż ta’ Williams-Renault irnexxielu joħroġ qabel Schumacher meta għamel l-ewwel pit stop tiegħu u baqa’ fil-quċċata. Id-dwell bejn iż-żewġ Ġermaniżi ġie aktar dirett minħabba li rtira Villeneuve.
Frentzen żamm postu fil-quċċata anki wara t-tieni waqfa u għalkemm kellu vantaġġ żgħir, baqa’ jikkontrolla fejn ma tax ċans lil Schumacher biex jipprova jaqbżu. B’hekk kompliet l-istennija ta’ Ferrari li jirbħu fiċ-ċirkwit dedikat lil Enzo e Dino Ferrari għall-ewwel darba mill-1983.
//= $special ?>