27 TA’ APRIL 1996
Wara li ġimgħa qabel kienu aċċertaw mir-rebħ tal-kampjonat kontra St. Patrick, Sliema Wanderers iċċelebraw ir-rebħ tat-23 kampjonat b’rebħa diffiċli kontra Birkirkara fl-aħħar ħarġa tagħhom. Dan il-kampjonat kien l-ewwel wieħed wara nuqqas ta’ seba’ snin u l-ewwel wieħed taħt il-Presidenza ta’ Robert Arrigo. L-attakkant Slimiż Aldrin Muscat kellu ċelebrazzjoni personali wkoll hekk kif bid-doppjetta li skorja, spiċċa l-aqwa skorer tal-kampjonat bi 18-il gowl, wieħed aktar minn Danilo Doncic ta’ Valletta.

Kienu Birkirkara li marru fil-vantaġġ fit-43 minuta meta minn passaġġ fit-tul ta’ Simon Sammut, kien JOHN STIVALA li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Ernest Barry. Sliema ħarġu determinati fit-tieni taqsima biex jevitaw telfa f’jum iċ-ċelebrazzjoni. ALDRIN MUSCAT ġab id-draw fil-51 minuta f’azzjoni li wasslet għal diversi protesti Karkariżi wara li lmentaw li l-azzjoni bdiet minn throw-in ta’ Birkirkara.

Is-Slimiżi żiedu l-pressjoni fit-tieni parti tat-taqsima. Fit-80 minuta, Charles Sciberras salva xutt fuq il-ġirja ta’ Noel Turner u mir-rebound dawwar mirakolożament f’korner fuq xutt ta’ Hubert Suda. Żewġ minuti wara, Sliema marru fil-vantaġġ b’daqqa ta’ ras taż-żagħżugħ GEORGE MALLIA li skorja l-ewwel gowl tiegħu fil-Kampjonat Premier. Ftit sekondi wara, il-kowċ ta’ Sliema John Calleja daħħal lil Carmel Busuttil flok Hubert Suda. Din il-bidla wasslet għal xi argumenti fost il-partitarji Slimiżi. Lejn it-tmiem, Sliema aċċertaw mir-rebħa b’daqqa ta’ ras ta’ ALDRIN MUSCAT li b’dan il-gowl sar l-aqwa skorer tal-kampjonat.

Wara li fi tmiem il-logħba komplew iċ-ċelebrazzjonijiet Slimiżi, il-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien Joe Mifsud ppreżenta t-trofew Coca Cola lil Carmel Busuttil li stenna lil Suda u għalkemm urtat għollew it-trofew flimkien.

