Lokali Qorti

Aħwa Bormliżi jinżammu arrestati fuq traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus

Żewġt aħwa minn Bormla baqgħu miżmuma taħt arrest preventiv wara li ġew mixlija quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello bi traffikar ta’ droga. Joseph Brignone ta’ 31 sena li ma jaħdimx u oħtu Annalise Brignone ta’ 34 sena li taħdem bħala ‘chemotherapy transporter’ ġew mixlija li kellhom fil-pusses tagħhom żewġ kilos ta’ droga sintetika, kilo kannabis u 30 gramma kokaina.

Saret talba mill-Avukati tal-akkużati Franco Debono u Marion Camilleri għal libertà proviżorja li kellha oppożizzjoni qawwija mill-Ispetturi Mark Anthony Mercieca u Eman Hayman minħabba s-serjetà tal-każ u l-fatt li għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet fuq dan il-każ.

Mhux eskluża l-possibilità li jitressqu aktar nies b’rabta ma’ dan il-każ sothom missier l-akkużati peress li ammont ta’ droga nstabet fir-residenza tal-akkużata li tgħix ma’ missieha.

Brignone ġei mixli b’pussess u traffikar ta’ kokaina kannabis u ta’ droga sintetika, b’pussess ta’ armi, b’ħasil ta’ flus, li wettaq dawn ir-reati f’distanza ta’ 100 metru minn skola u li kiser diversi sentenzi tal-Qorti. Oħtu wkoll kienet akkużata b’pussess u traffikar tal-imsemmija droga, tal-ħasil ta’ flus u li wettqet dan ir-reat f’distanza ta’ 100 metru minn skola.

L-aħwa wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom. L-Avukat Franco Debono filwaqt li faħħar lill-Qorti għall-mod kif qed topera f’din nis-sitwazzjoni qal li din għandha tikkunsidra l-fatt li dawn iridu jagħmlu kwarantina ta’ 14-il-ġurnata fil-lock-up tal-Qorti, post mhux wisq xieraq biex wieħed iqatta’ ż-żmien tiegħu ta’ arrest preventiv.

L-Ispettur Mark Anthony Mercieca, qal li l-Pulizija qed tinvestiga nies oħra dwar dak li temmen li huwa ċirku kriminali. Huwa spjega li l-Pulizija kienet ilha l-ġranet tosserva l-inħawi fejn joqgħodu u qed tinvestiga wkoll ir-rabta bejn dan il-każ u tiri ta’ armi li saru f’Bormla.

Minn informazzjoni li għandna missier l-akkużati ġie mitkellem mill-Pulizija u li dan f’ħin minnhom, anke peress li huwa persuna vulnerabbli ma bedhiex iħossu f’qagħda tajba u anke ttieħed fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Bormla fejn ma ħassux sew.

Huwa mistenni jerġa’ jiġi mitkellem mill-Pulizija nhar l-Erbgħa li ġejjin. Il-Maġistrat Rachel Montebello ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taż-żewġt aħwa li għalhekk issa qegħdin jinżammu fiċ-ċelel tal-Qorti sakemm jgħaddi perjodu ta’ kwarantina mbagħad jittieħdu l-Ħabs ta’ Kordin.