Internazzjonali

Arabja Sawdija: Titneħħa l-piena tal-mewt għall-kriminali minorenni

L-Arabja Sawdija mhix se timponi aktar il-piena kapitali fil-konfront ta’ persuni li jwettqu r-reati bħala minorenni. Il-Kummissjoni Sawdi għad-Drittijiet tal-Bniedem ikkwotat dan id-digriet irjali tar-Re Salman, jumejn biss wara li l-ogħla awtoritajiet Sawdi neħħew id-direttiva għal swat bil-frosta għall-persuni li jiksru l-liġi.

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li l-Arabja Sawdija ffirmat għaliha, tinsisti li l-piena kapitali mgħandhiex tintuża għal reati li jkunu twettqu mill-minorenni.

Dan meta l-Arabja Sawdija għandha wieħed mill-agħar rekords tad-drittijiet umani fid-dinja, fejn il-libertà tal-espressjoni hi mrażżna sew, waqt li l-kritiċi tal-gvern huma suġġetti għall-arrest arbitarju.

Skont l-Amnesty International, rekord ta’ 184 inqatlu bid-digriet legali fl-Arabja Sawdija matul is-sena li għaddiet. Dan meta kien hemm talanqas każ li kien jinvolvi raġel li spiċċa kundannat dwar reat li hu kien wettaq bħala minorenni.