Skont l-aħħar ċifri mill-Johns Hopkins University kien hemm kważi tliet miljun każ ikkonfermat ta’ coronavirus madwar id-dinja — u ‘il fuq minn 206,000 mewta totali fuq skala globali.
Fl-Iżvezja, mistenni li n-negozju fir-ristoranti, il-lukandi u l-bars jispiċċa jsofri daqqa ta’ ħarta kbira, minkejja li dawn tħallew jiftħu xorta waqt il-pandemija. Il-Ministru responsabbli min-Negozju f’dan il-pajjiż, Ibrahim Baylan qal li dawn l-istabbilimenti qed isibuha diffiċli ħafna fi żmien meta d-domanda naqset b’medja ta’ 50 fil-mija – u b’xejn anqas minn 90 fil-mija fiz-zoni l-aktar popolari mat-turisti.
Studenti fiċ-Ċina rritornaw fil-klassijiet fl-ibliet prinċipali ta’ Beijing u Shanghai, wara ġimgħat ta’ lockdown. Dan ladarba l-awtoritajiet lokali qalu li ma kien hemm l-ebda pazjenti ġodda milqutin bil-virus f’Wuhan – l-epiċentru oriġinali tal-Covid-19.
Il-maskli tal-wiċċ fil-Ġermanja jridu jintlibsu bilfors kulmeta persuna tuża t-trasport pubbliku. F’dan il-pajjiż hemm anki direttiva mandatorja biex il-maskli jintlibsu fl-okkażjonijiet meta n-nies joħorġu minn djarhom biex jagħmlu x-xirja.
Fl-Iżvizzera reġgħu fetħu l-ħwienet tax-xagħar u l-garden centres wara ġimgħat ta’ lockdown – bl-istudenti f’dan il-pajjiż mistennija jirritornaw fl-iskejjel sa mill-11 ta’ Mejju.
//= $special ?>