Internazzjonali

Covid-19: New Zealand iwaqqaf il-firxa tal-virus u beda jnaqqas mir-restrizzjonijiet

L-ogħla awtorità fi New Zealand ikkonfermat li l-pajjiż irnexxielu jwaqqaf it-trasmissjoni tal-Covid-19 (coronavirus) qalb is-soċjetà. Dan fost diskors li l-virus, effettivament, qed jitqies bħala ‘eliminat’ fuq livell lokali.

Il-Prim Ministru ta’ New Zealand, Jacinda Ardern, ipprovdiet l-istatistika pożittiva wara diversi jiem li fihom kienu reġistrati anqas minn għaxar infettati (għal kull ġurnata) – u wara li nhar il-Ħadd instabet persuna waħda biss infettata, mal-konklużjoni tas-soltu proċeduri.

Madankollu, l-uffiċjali wissew lin-nies biex ‘ma jkunux ittraskurati’ għaliex is-sitwazzjoni ma tfissirx li ma jistgħux jinqalgħu każi ġodda tal-Covid-19, fil-futur.

Fl-aħħar sigħat, New Zealand kien qed iħejji biex joħroġ mill-aktar ‘livell riġidu’ tar-restrizzjonijiet soċjali għal kontra l-firxa tal-virus.

Millum, fi New Zealand, qegħdin jiftħu mill-ġdid xi negozji mhumiex meqjusa bħala essenzjali – bl-attivitajiet edukattivi u aspetti oħrajn tal-kura tas-saħħa se jkunu jistgħu jkomplu.

Fl-istess ħin, il-maġġoranza tan-nies xorta jridu jibqgħu f’darhom u jevitaw kull interazzjoni ma’ persuni oħrajn.

Il-Prim Ministru Ardern qalet li filwaqt li l-pajjiż qed jiftaħ mill-ġdid għall-ekonomija, ‘hu minnu li l-ħajja soċjali tan-nies, għalissa, se tibqa’ ristretta’ minħabba l-importanza li ma jsirux il-passi mgħaġġlin li kapaċi jiġġeneraw mewġa ġdida tal-coronavirus.’

Fi New Zealand kienu rappurtati anqas minn 1,500 każi konfermati jew probabbli tal-Covid-19 u xi 20 mewta sussegwenti.

Id-Direttur-Ġenerali tas-Saħħa fi New Zealand, Ashley Bloomfield, qal li l-ammont żgħir tal-każi fl-aħħar jiem ‘jimla lill-awtoritajiet bil-fiduċja li laħqu t-tragward – jiġifieri l-eliminazzjoni tat-theddida’. Hu wissa li ‘l-eliminazzjoni’ ma tfissirx li mhumiex se jkun hemm il-każi ġodda, iżda spjega li ‘f’din is-sitwazzjoni, l-awtoritajiet lokali jafu minfejn kienu ġejjin il-każi attwali’.

Jacinda Ardern qalet li illum, fi New Zealand, ma teżistix sitwazzjoni fejn il-Covid-19 seta’ infirex ‘mingħajr traċċi’ fost il-komunità u għaldaqstant, wieħed jista’ jgħid li l-pajjiż rebaħ din il-battalja.

Madankollu, il-Prim Ministru għamlitha ċara li l-pajjiż għandu jibqa’ viġilanti jekk irid li din is-sitwazzjoni ma tinbidilx.