Ambjent Kunsilli Lokali Lokali

Deputat tal-Gvern irid juża’ art privata fost oħrajn bħala żona għall-karavans u għall-ikkampjar

Il-Kunsill Laburista ta' Marsaskala ma jaqbilx u jgħid li ma kienx ikkonsultat

Il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala, immexxi minn maġġoranza Laburista, ċanfar lid-Deputat tal-Gvern Jean Claude Micallef talli jrid juża’ art privata jew art li ġiet identifikata għal skopijiet oħrajn biex issir żona għall-karavans u għall-ikkampjar fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta.

Fi stqarrija, il-Kunsill Laburista innota wkoll kif Micallef – li jiġi wkoll iben il-preżentatur fuq il-media Laburista Manuel Micallef – ma għamel l-ebda konsultazzjoni mal-Kunsill dwar is-siti li ppropona f’Marsaskala.

Id-Deputat Laburista imbotta l-proposti tiegħu b’pompa fuq il-profil tiegħu fuq Facebook, fejn fost l-oħrajn qal li jrid juża’ dawn l-artijiet biex isir kummerċ minnha bit-twaqqif tal-żona għall-karavans u għall-ikkampjar.

Iżda l-Kunsill Lokali ċanfar lil Micallef meta nnota li ma jaqbilx mas-siti proposti. Mhux ċar jekk Micallef iddiskutiex din il-proposta ma’ xi membru tal-Kabinett, iżda issa hu ċar żgur li l-Kunsill ma kienx ikkonsultat.