Lokali

“Fenomenu” ġdid fit-toroq

Fl-aħħar ġimgħat, kull min kien qed isuq fl-inħawi tal-flyover tal-Marsa jew fit-triq ta’ Ħ’Attard fejn qed isir ix-xogħol fuq is-Central Link, seta’ jinnota fenomenu ġdid – muntanji ta’ radam.

Ritratt: Martin Agius
Ritratt: Martin Agius

Dan hekk kif jidher li minkejja li ż-żewġ progetti kienu ilhom pjanati s-snin, xi ħadd nesa jippjana b’serjetà x’se jsir mill-iskart kollu tal-kostruzzjoni ġġenerat minn dawn ix-xogħolijiet, tant li Infrastructure Malta ħarġet ordni biex jieqaf ix-xogħol kollu relatat mal-bini mill-ġdid u l-manutenzjoni ta’ toroq.

Dwar din is-sitwazzjoni li nħolqot, il-Partit Nazzjonalista qal li għan-nuqqas ta’ ppjanar fit-tul mil-Gvern Laburista, qed ibatu ċ-ċittadini.

Id-deputati tal-Partit Nazzjonalista Toni Bezzina, Kevin Cutajar, David Thake u Edwin Vassallo qalu li dan il-Gvern ma kienx kapaċi jantiċipa xi problemi setgħu jħabbtu wiċċhom magħhom kuntratturi tat-toroq fir-rigward ta’ rimi ta’ materjal ta’ kostruzzjoni, bħalma ma kienx kapaċi jirrispetta ftehim li ffirma hu stess fi Frar tal-2019, fejn il-prezz tar-radam kellu jibqa’ fiss għal perjodu ta’ tmintax il-xahar.

Minflok, il-prezz tar-radam tela’ minn €8 għal €15 it-tunnellata, bil-problemi kollha li tali nuqqas ġab miegħu. Huma qalu li minflok ix-xogħol fit-toroq tagħna ħa spinta l’ quddiem minħabba ċ-ċirkustanzi li għaddej minnhom pajjiżna bħalissa, l-Gvern iddeċieda li jwaqqaf x-xogħolijiet kollha relatati.

Dan, komplew jgħidu, ser iwassal għal inċertezza kbira fost dawk kollha li l-għixien tagħhom jiddependi minn din l-industrija kif ukoll għal inkonvenjent kbir għal min joqghod fit-toroq affetwati mix-xogħlijiet. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ ppjanar tal-Gvern ser iwassal għal konġestjonijiet sħaħ ta’ traffiku meta Malta terġa’ lura għan-normal u xogħolijiet fit-toroq tagħna, li setgħu jitlestew f’ dawn iż-żminijiet, ikunu għadhom nofs leħja.

Il-Partit Nazzjonalista appella lil Gvern biex b’mod serju u b’rispett sħiħ lejn l-ambjent ta’ madwarna, jindirizza din il-problema billi ma jibqax ikaxkar saqajħ, u permessi li ilhom pendenti għal snin sħaħ għal estensjoni ta’ barrieri jew barrieri ġodda biex jirċievu radam ġo fihom, ikunu pproċessati immedjatament u fl-istess ħin jassigura li ftehim dwar rati ta’ rimi ta’ materjal tal-kostruzzjoni jkunu rispettati.