Lokali Parlament

Għadna fil-ħin għal qbil dwar Kummissarju tal-Pulizija

Chris Said, PN

Id-deputat Nazzjonalista Chris Said qal li l-parlament għadu fil-ħin biex ikun hemm qbil dwar il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija l-istss kif kien hemm qbil kif jinħatar il-Prim Imħallef. Il-pajjiż jinsab f’sitwazzjoni delikata ħafna għaliex is-soluzzjoni li qed joffri l-Gvern mhix aċċettabbli.

Fil-parlament Chris Said qal li l-Kummissarju għadu jaħdem b’indipendenza assoluta mill-Gvern. Fl-2019 kien hemm żieda ta’ 15% fil-kriminalità f’Għawdex fis-serq u reati oħra meta l-Gvern jiftaħar li naqset. X’qed jagħmel il-Gvern biex jindirizza din is-sitwazzjoni?

Id-droga qed tiżdied b’mod qawwi fejn Għawdex hu mifqugħ bid-droga. M’hemmx infurzar biżżejjed, sostna Chris Said li kompla li f’Għawdex hemm 30 pulizija nieqes minn dawk meħtieġa.

Hemm iktar minn 200 pulizija Għawdxin li ħadmu f’Malta u għalhekk minn fejn jinġiebu pulizija waqt li l-għases huma kollha magħluqa l-ħin kollu ħlief għal tnejn mill-14-il għassa li hemm f’Għawdex.

Jeħtieġ li l-pulizija jkunu jistgħu jagħmlu r-ronda aħjar. Il-pulizija tal-komunità kienet il-bażi tal-ħidma tal-pulizija bl-għases bħala ċ-ċentru tal-operazzjoni kollha fil-lokalitajiet, is-sistema qed tfalli, sostna Chris Said, li qal li l-pulizija f’Għawdex jirreaġixxu għar-reati flok jipprevenu milli jsiru r-reati. Hemm nuqqas ta’ riżorsi u taħriġ u hemm bżonn spettur dedikat fuq il-forensika u d-drogi. Iż-żewġ spetturi li hemm iridu jagħmlu kollox, sostna Chris Said.