Coronavirus Lokali

Għajnuna lill-Malta Red Cross tfisser serħan il-moħħ – Adrian Delia

Għajnuna lil għaqdiet bħall-Malta Red Cross tfisser aktar serħan il-moħħ għall-poplu Malti u Għawdxi kollu, mhux biss f’dan il-perjodu ta’ sfidi kawża tal-Coronavirus, iżda matul is-sena kollha.

Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt żjara fil-kwartieri tal-għaqda, f’Pembroke. Hu qal li qed imexxi żjarat bħal dawn biex il-Partit Nazzjonalista jkun jaf aktar anke dwar il-ħtiġijiet u l-isfidi li dawn l-ghaqdiet qed jiltaqgħu magħhom.

Akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ, Sport, il-Volontarjat u l-Ġlieda kontra l-Obeżità Robert Cutajar, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sema’ aktar mingħand il-President tal-fergħa Maltija tar-Red Cross Edward Gruppetta dwar il-mod li bih l-organizzazzjoni qed toffri r-riżorsi tagħha lill-Awtoritajiet lokali tas-Saħħa fil-ġlieda kontra l-Covid-19.

Iżda din is-sitwazzjoni qed iżżid ukoll l-isfidi finanzjarji lill-Malta Red Cross, li bħal ħafna għaqdiet oħrajn rat tnaqqis qawwi mid-dħul tagħha u ftit li xejn għajnuna mill-Gvern. Minbarra l-ġlieda kontra l-Coronavirus, l-għaqda timpenja ruħha matul is-sena kollha, fosthom anke billi toffri servizz fuq il-bajjiet, b’tagħmir adekwat għall-art u anke għall-baħar.

Barra minhekk, torganizza wkoll eluf ta’ korsijiet fis-sena, iżda minħabba li bħalissa dawn ma jistgħux ikunu organizzati, id-dħul tagħhom naqqsilhom drastikament. Hu għalhekk li l-Kap tal-Partit Nazzjonlista tenna l-appell biex għaqdiet bħall-Malta Red Cross, ibbażata l-aktar fuq il-voluntiera, jingħataw l-appoġġ kollu li jeħtieġu.