Ambjent Lokali Parlament

Il-Gvern jinsab bla deċiżjoni dwar fejn se jarmi l-iskart tal-bini tat-toroq

Qed jikkunsidra li jarmi l-iskart tal-kostruzzjoni fil-baħar

Il-Gvern m’għandux pjan immedjat dwar fejn se jarmi l-iskart tal-kostruzzjoni issa li l-proġetti tal-bini tat-toroq twaqqfu propju minħabba li m’hawnx post fejn jintrema’ dan l-iskart.

Fil-parlament il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia sostna li l-Gvern qed jikkunsidra li jarmi l-iskart tal-kostruzzjoni fil-baħar, jew li juża’ l-barrieri inkella li ssir riklamazzjoni tal-art.

Il-Ministru għall-Ambjent tkellem dwar dan fil-parlament meta wieġeb mistoqsijiet tad-deputati Nazzjonalisti Toni Bezzina u Beppe Fenech Adami u qal li Infrastructure Malta qed tgħid li m’hawnx post fejn jitpoġġa l-iskart waqt li l-Gvern qed jgħid li hawn postijiet disponibbli. Hu staqsa min qed jgħid il-verità.

Il-Ministru Farrugia qal li għad hawn barrieri li jistgħu jilqgħu fihom l-iskart iżda l-mistoqsija hi kemm dawn il-barrieri huma lesti biex jilqgħu fihom dan il-materjal.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li t-toroq qed jikkreaw dan il-materjal iżda issa waqqfu jarmu l-materjal għax m’hawnx post. Hu stsaqsa meta se jibda x-xogħol li issa jinsab wieqaf.

Il-Minsitru Farrugia qal li l-għażliet fosthom il-barrieri, il-baħar u r-riklamazzjoni tal-art.

Id-deputat Nazzjonalista David Thake staqsa jekk l-għażla li għandha Infrastructure Malta hix li titħallas miżata tas-suq u jekk hux aċċettabbli li l-iskart jintefa’ l-baħar.

Il-Minsitru Farrugia wieġeb li l-Gvern kien daħal fi ftehim li jħallsu l-miżata għar-rimi fil-barrieri kien ta’ €8 kull tunnellata u li jkun hemm inizjattivi ta’ tnaqqis fit-taxxa iżda din il-proposta ma ntlaqgħetx.