Formula 1 Sport

Il-Formula 1 tikkonferma l-ħsieb li l-istaġun jibda fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju

Il-Formula 1 qed tippjana li tibda l-istaġun f’Lulju wara li ġie kkonfermat li l-Grand Prix ta’ Franza ġiet ikkanċellata. Id-deċiżjoni ttieħdet wara li l-Gvern Franċiż estenda s-sospensjoni fuq l-avvenimenti maġġuri u l-ivvjaġġar sa nofs Lulju. B’hekk issa l-ewwel Grand Prix skedata hi tal-Awstrija fil-5 ta’ Lulju. Il-Kap Eżekuttiv tal-Formula 1 Chase Carey jinsab kunfidenti li l-istaġun jibda fiċ-ċirkwit ta’ Red Bull Ring.

Il-ħsieb ta’ Carey hu li f’Lulju, Awwissu u l-bidu ta’ Settembru jsiru t-tlielaq tal-Ewropa. F’Settembru, Ottubru u Novembru jsiru t-tielaq fiż-żoni ta’ bejn l-Ewropa u l-Asja, l-Asja u l-Amerika ta’ Fuq u ta’ Isfel. L-istaġun jispiċċa bit-tlielaq tal-Bahrain u Abu Dhabi f’Diċembru għal total ta’ bejn 15 u 18-il tellieqa. Il-kalendarju jkun ippubblikkat wara li jsir finali, bil-probbabbiltà hi jsiru żewġ tlielaq ġimgħa wara l-oħra.

It-tellieqa tar-Renju Unit fiċ-ċirkwit ta’ Silverstone hu skedat li jsir fid-19 ta’ Lulju, bl-organizzaturi jikkonfermaw li t-tellieqa se ssir mingħajr spettaturi. Il-ħsieb hu li jsiru żewġ tlielaq ġimgħa wara l-oħra fl-istess ċirkwit, bi pjan simili jinsab għaċ-ċirkwit tal-Awstrija.