Coronavirus Lokali Parlament

Il-Gvern itajjar €15,000 għall-konferenza tal-aħbarijiet

Il-lukanda fejn saret il-konferenza tħallset is-somma ta’ elf ewro, allura wieħed jistaqsi fejn intefqu l-€14,000 l-oħra?

Kważi €15,000 – din hija ċ-ċifra li swiet lill-poplu Malti u Għawdxi l-konferenza tal-aħbarijiet li kienet saret fl-24 ta’ Marzu li għadda. L-istess konferenza li fiha l-PM Robert Abela kien ftaħar li se jagħti l-paga tiegħu ta’ xahar bħala donazzjoni għall-ġlieda kontra l-pandemija, biex imbagħad, minn domanda Parlamentari tad-deputat Jason Azzopardi, skoprejna li l-pajjiż tajjar mal-€15,000 għal dan l-avveniment.

Hija din l-istess konferenza tal-aħbarijiet meta Robert Abela attakka lill-ġurnalisti ta’ Net News sempliċiment għax saqsejna meta se jraħħas il-kontijiet tad-dawl, l-istess konferenza fejn ftit qabel il-Prim Ministru ried jitlaq ‘l hemm biex ma jieħux domandi.

L-ammont ta’ flus li Robert Abela semma’ fit-tweġiba tiegħu fil-Parlament kien ta’ €12,694.

Madanakollu din is-somma hija ċifra minghajr VAT inkluża. Dan ifisser li jekk iżżid il-VAT, in-nefqa mill-kaxxa ta’ Malta għal din il-konferenza tal-Gvern titla’ għal madwar €14,979, jew fi kliem sempliċi, €250 kull minuta.

Wara li ħarġet din l-informazzjoni, id-deputat Jason Azzopardi kkonferma illi l-lukanda fejn saret il-konferenza tħallset is-somma ta’ elf ewro għall-użu tal-post, allura wieħed jistaqsi fejn marru eżattament l-€14,000 l-oħra li ħareġ il-Gvern mit-taxxi tagħna.