Wara li kellhom jieqfu għexieren ta’ proġetti infrastrutturali, partikolarment fit-toroq, għax kompla jippersisti n-nuqqas ta’ pjanar tal-Gvern biex isib spazju jew metodi adegwati fejn jintrema l-iskart tal-kostruzzjoni, issa l-problema nfirxet fuq materjali oħra li t-trattament tagħhom huma responsabbiltà tal-Wasteserv, l-aġenzija tal-Gvern għall-immaniġġjar tal-iskart.
Fost dawn insibu materjal bħat-tyres tal-vetturi ħżiena. Il-Gvern jintaxxa s-sisa fuq kull tyre impurtat biex meta jintremew il-qodma, jieħu ħsieb li jsir it-trattament u r-riċiklaġġ skont l-ogħla standards ambjentali. Numru ta’ negozji f’dan is-settur ilhom ġimgħat sħaħ jiffaċċjaw problemi fejn jistgħu jiddisponu minn dan it-tip ta’ skart meqjus perikoluż. Filwaqt li l-Wasteserv taħdem ma faċilitajiet privati għat-trattament tat-tyres, il-Gvern u l-Awtoritajiet Kompetenti huma obbligati jiżguraw li ġaladarba t-tyres jiġi trattati f’Malta, dawn għandhom jiġu esportati minnufih biex ma tingħelibx il-kapacità tal-faċilitajiet Maltin u ma jintlewx, b’detriment li jieqfu jaċċettaw il-materjal kif fil fatt qed jiġri bħalissa.
Fi stqarrija, il-Kelliem għall-Ambjent u l-Emerġenza tal-Klima David Thake saħaq kif il-Gvern, flok infieq żejjed f’positions of trust lil tal-qalba għandu jiżgura li jsir dak kollu li għandu jsir biex jissolvew dawn il-problemi kbar ambjentali li qed itellfu wkoll lin-negozji żgħar u medji.
Il-Partit Nazzjonalista se jiżgura li jibqa’ l-vuċi favur sostenibbiltà ambjentali u se jkun qed jaħdem id f’id mal-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin biex l-immaniġġjar tal-iskart jittieħed iktar bis-serjetà u tieqaf darba għal dejjem il-management by crisis li qed jaħdem biha Gvern Laburista.
//= $special ?>