Lokali

Jaslu lura Malta wara li kienu maqbuda l-Indja

Jaslu lura  Johann u Nicolette Borg, koppja minn Birżebbuġa li nqabdu l-Indja wara li telgħu fit-3 ta’ Marzu biex jadottaw it-tieni bint tagħhom u kif kienu hemm, il-pajjiż spiċċa f’lockdown totali.

Fil-fatt, minn meta beda l-lockdown fl-Indja, fl-24 ta’ Marzu, il-familja Borg kellha tibqa f’lukanda f’Delhi minħabba li kellhom problema biex jinħareġ il-Passaport tat-tifla ż-żgħira li kienu għadhom kemm adottaw, Francesca.

F’kumment esklussiv lil NET News, Nicolette u Johann jirrakkontaw fi ftit kliem l-esperjenza li għaddew minnha.

Dakinhar, il-koppja ingħatat l-għażla li jirritornaw lejn Malta, bit-tifla tintbagħat lura lejn l-Istitut. Iżda b’determinazzjoni, Johann u Nicolette għażlu li jibqgħu hemm u ma jiġux lura f’pajjiżna mingħajr iċ-ċkejkna Francesca.

Mal-wasla tagħhom fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, it-Tnejn tard waranofsinhar, kienet evidenti l-ħarsa ta’ sodisfazzjon u kuntentizza fuq wiċċ l-erba’ membri tal-familja.

Dan hekk kif, fl-aħħar, issa jistgħu jkomplu jgħixu ħajjithom f’Birżebbuġa bħala familja waħda … wara li kellhom jivvjaġġaw lejn Londra umbagħad jaqbdu vjaġġ ieħor lejn Malta.