Lokali

Manuvri minn wara dahar il-Prim Ministru

F’dawk li jidhru li huma manuvri minn wara dahar il-Prim Ministru, il-Ministru Ian Borg qiegħed jagħmel pressjoni fuq is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-konstruzzjoni biex idaħħal nies li jrid hu – u possibilment mhux kwalifikati għax-xogħol – fl-aġenzija l-ġdida għall-bini u l-kostruzzjoni.

Wara li s-sena li għaddiet kelna għadd ta’ inċidenti marbuta ma żviluppi ġodda, kien ġie deċiż li tiġi mwaqqfa aġenzija ġdida li kellha tkun magħrufa bħala l-Building and Construction Agency. Sal-lum din għadha ma twaqqfitx, madankollu, Ian Borg jidher li qed jaħdem qatigħ biex fl-aktar pożizzjonijiet importanti fi ħdan din l-aġenzija jpoġġi lil min irid hu.

Ġimgħa ilu, Net News saqsa lis-Segretarju Parlamentari Chris Agius għadd ta’ mistoqsijiet marbuta ma’ dan. Madankollu, u minkejja li bgħatna nfakkru lil Agius dwar il-mistoqsijiet tagħna, u minkejja diversi telefonati lis-Segreterija tiegħu, sal-lum għadna ma ngħatajna l-ebda tweġiba.

Staqsejna lil Chris Agius x’inhi r-raġuni għaliex il-Bord tal-Building & Construction Agency għadu ma ġiex kostitwit, jekk hux minnu li dan l-aħħar infetħu “Call for Applications” interni għal postijiet ta’ Chief Officer, Direttur u Site Manager, u għaliex dawn il-postijiet qegħdin jimtlew qabel ma ġie kostitwit il-Bord.

 Staqsejna wkoll min kien responsabbli biex jiddeċiedi xi kwalifiki u livell ta’ esperjenza irid ikollhom individwi biex japplikaw għal dawn il-positijiet, partikolarment dawk ta’ Direttur u Site Manager, u jekk dawn il-kwalifiki u livelli ta’ esperjenza jirrispettawx f’kollox ir-rekwiżiti applikabbli għall-għażliet f’management roles kif stabbilit.

 Tlabnih ukoll jgħidilna jekk kienx hemm min applika li ma kellux management role, u jekk iva, jekk dan ġiex skwalifikat kif suppost, jew l-applikazzjoni nżammet u ġiet proċessata xorta waħda, kif ukoll x’inhi l-iktar skala baxxa li kellu min applika għall-post ta’ Direttur jew ta’ Site Manager.

 Fl-aħħar nett, staqsejna lis-Segretarju Parlamentari jekk l-Uffiċċju tal-Prim Ministru hux mgħarraf b’dan il-proċess ta’ għażla.

Sa issa, bqajna ma rċevejna l-ebda tweġiba.