Coronavirus Internazzjonali

Numru ta’ pajjiżi Ewropej jibdew inaqqsu r-restrizzjonijiet

Il-PM Taljan Giuseppe Conte

Numru ta’ pajjiżi Ewropej bdew itaffu uħud mill-miżuri biex irażżnu t-tixrid tal-Coronavirus wara diversi ġimgħat. Fosthom anki l-Italja, l-iktar pajjiż li ntlaqat serjament minn din il-kriżi b’26,644 vittma

Ilbieraħ 260 persuna mietu bil-virus, l-inqas ammont mill-14 ta’ Marzu li għadda u n-numru ta’ każi totali fl-Italja hu ta’ 197,675. L-Awtoritajiet huma tal-fehma li r-rata ta’ trażmissjoni tal-virus issa tbaxxiet biżżejjed li tiġġustifika tnaqqis gradwali tar-restrizzjonijiet.

Fil-fatt, il-PM Taljan Giuseppe ħabbar numru ta’ miżuri, b’uħud minnhom jibdew mill-ġimgħa d-dieħla. Minn bħal-lum ġimgħa, persuni jistgħu jivvjaġġjaw iżda fil-konfini tar-reġjun tagħhom. Funerali jistgħu isiru iżda b’attendenza massima ta’ 15-il persuna u kemm jista’ jkun, dawn isiru fi spazji miftuħa. Bars u ristoranti, li sa issa setgħu biss iwettqu tqassim ta’ ordnijiet, mill-ġimgħa d-dieħla jkunu jistgħu ukoll jieħdu ordnijiet takeaway. Mill-lat sportiv, atleti individwali jistgħu jibdew jitħarrġu mill-ġimgħa d-dieħla filwaqt li timijiet jistgħu jitħarrġu flimkien mit-18 ta’ Mejju. Skejjel se jibqgħu magħluqin sa Settembru.

Min-naħa l-oħra, Conte tenna li l-miżuri ta’ distanzi soċjali aktarx se jibqgħu fis-seħħ għal diversi xhur u wissa li jekk il-prekawzjonijiet ma jkunux rispettati, il-curve terġa’ titla’ u l-imwiet jerġgħu jiżdiedu.

Anki fi Spanja, ilbieraħ kien hemm l-inqas rata ta’ mwiet għal diversi ġimgħat. Għall-ewwel darba f’sitt ġimgħat, tfal tħallew joħorġu mid-djar.

Fir-Renju Unit, il-PM Boris Johnson illum mistenni lura għax-xogħol wara ġimgħatejn ta’ mistrieħ minħabba li kien inħakem mill-virus. Fil-bidu ta’ dan ix-xahar Johnson għamel ġimgħa l-isptar u saħansitra qatta’ tliet iljieli fit-taqsima tal-kura intensiva. Il-PM qed jiffaċċja pressjoni biex jibda jerħi xi restrizzjonijiet. Ilbieraħ 413-il persuna mietu fl-isptarijiet fir-Renju Unit għal total ta’ 20,732.