Coronavirus Impenn għas-Saħħa Lokali

Il-ħidma tal-OASI; tinfetaħ linja minħabba l-COVID-19

Persuni minn kull aspett tas-soċjetà komplew jagħmlu użu mill-Fondazzjoni OASI li kompliet tesperjenza żieda f’dawk il-persuni li għamlu użu mis-servizzi tagħha minħabba problemi relatati ma’ drogi li huma konsidrati bħala rikreattivi.

Dan l-aħħar, minħabba l-pandemija tal-Covid-19, t-tim tal-intervent immedjat fetaħ linja ta’ Helpline, biex dawk il-persuni li għaddejjin minn mumenti diffiċli jew iħossu anzjetà minħabba dak li għaddej, jkun jista’ jsib l-għajnuna ta’ tim professjonali.

Dan is-servizz serva biex ukoll jgħin lill-familji li għaddejjin minn sitwazzjoni ta’ faqar u ġew immexxijin lejn is-servizzi li kellhom bżonn. It-Tim ta’ Terapija fi ħdan il-Fondazzjoni jaħdem ma ‘l fuq minn 200 każ fis-sena. Fid-2019, 44% kellhom problemi relatati b’mod dirett mal-użu tal-kokaina, waqt li 25% talbu l-għajnuna minħabba diffikultajiet li huma relatati mal-alkoħol u 9% minħabba Kannabis.

Rajna żieda b’mod partikolari f’użu tal-crack. Dawn it-tip ta’ drogi huma kollha konsidrati bħala drogi rikreattivi li jintużaw b’mod speċjali f’ambjenti ta’ divertiment. Iżda meta l-użu imbagħad isir problematiku wieħed jibda jagħmel użu minn dawn it-tip ta’ drogi anke meta jkun waħdu jew weħidha.

Minn dawn il-persuni li jabbużaw drogi rikreattivi, issib ħafna li jgħidulek li kien jaħsbu li ma kellhomx riskju li jiżviluppaw problema ta’ addiction, għaliex mingħalihom li l-eroina biss tikkawża addiction.

Mill-banda l-oħra, l-użu tal-eroina baqgħet baxxa – fil-fatt 16% irrikorrew għand l-OASI f’dan ir-rigward. 40% tal-każijiet fl-2019 kellhom edukazzjoni post sekondarja, fejn 16% kellhom tagħlim fuq livell universitarju.
It-tim ta’ terapija għamel xogħol estensiv ta’ terapija mal-familjari ta’ dawn il-persuni.

Apparti l-programmi apposta kemm fuq bażi residenzjali, kif ukoll fuq bażi ta’ appuntamenti għal dawk li għandhom problemi relatati ma addiction, il-Fondazzjoni toffri terapija u programmi għal familjari tal-persuni għaddejjin minn addiction.

Tgħin u toffri sapport lil min iħaddem biex jgħaraf jgħin lil persuna bi problema ta’ addiction mingħajr ma jiġi affetwat in-negozju. Il-programmi tal-Fondazzjoni huma ibbażati fuq it-12 il-Pass tal-Alkoħoliċi Anonimi u n-Narkotiċi Anonimi, u jgħinu lill-individwu jagħraf lilu n-nifsu u jibni ħiliet u strateġiji biex jagħraf jgħix u japprezza l-ħajja.

Il-Fondazzjoni toffri ukoll servizzi t’għarfien u tagħrif fil-komunità dwar prevenzjoni mill-użu tas-sustanzi kif ukoll dwar kif wieħed jista’ jgħix ħajja li żżommu l’ bogħod mill-abbuż tad-drogi.

Apparti l-użu tal-medja soċjali, dawn jinkludi konferenzi, pubblikazzjonijiet ta’ artikli, taħditiet u korsijiet fil-kunsilli lokali u parroċċi u attivitajiet ta’ natura soċjali li joffru rilassament, bħal sport u kultura.

B’kollox ġew investiti aktar minn 3000 siegħa f’din l-ħidma ta’ Social Awareness. Barra minn hekk, il-Fondazzjoni OASI tgħin lil dawk l-persuni li bdew jesperimentaw bis-sustanzi jew li qegħdin f’riskju li jidħlu fl-ingassa tal-addiction, permezz ta’ terapija maħsuba apposta.

L-OASI issib is-sapport kontinwi ta l-fuq minn 50 voluntier li joffru l-enerġija tagħhom fil-programmi u l-attivitajiet diversi tal-Fondazzjoni. Huma ukoll strumentali ħafna fl-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi.

Il-Fondazzjoni OASI toffri is-servizzi kollha tagħha b’xejn. U għalhekk l-ftehim li sar dan l-aħħar mal-Ministeru tal-Familja, d-Drittijiet tat-Tfal u s-Solidarjetà Soċjali ser ikun strumentali biex flimkien mal-fondi tal-Fondazzjoni, inkunu nistgħu insaħħu dawn is-servizzi u nżidu fil-professjonalità u l-ħiliet tal-ħaddiema tal-Fondazzjoni.

Kull min jixtieq ifittex l-għajnuna jew irid aktar informazzjoni għal xi programm ta’ prevenzjoni addattat għall-bżonnijiet partikolari tiegħu jista’ jċempel fuq 21563333 jew isibna fuq il-medja soċjali: • FB – @oasifoundation • IG – oasifoundation • Twitter – @oasifoundation