Lokali

Raġel mingħajr saqaf fuq rasu jiftaħ qalbu fuq NET FM

Togħma tar-realtà kiefra tal-faqar f’pajjiżna

“Ili ngħix barra għal dawn l-aħħar tlett ġimgħat…ninsab iddisprat”.

Hekk stqarr raġel li f’nofs il-pandemija tal-Covid-19 spiċċa jgħix barra t-triq.

Hu kien qed jaqsam l-esperjenza tiegħu waqt il-programm “Telefonata ‘l bogħod” preżentat mid-deputat Ivan Bartolo fuq Net FM.

B’leħen indubjament debboli, ir-raġel irrakkonta kif, f’nofs id-diffikultajiet kollha li qed jaffacja… jiprova jieħu nagħsa meta l-għejja tkun insapportabbli.

Dan ir-raġel li fetaħ qalbu mal-programm radjofoniku stqarr illi li kieku ma jkunx għal xi qalb tajba ta’ xi persuna, jkun kostrett jorqod bil-ġuħ kuljum – realtà li diffiċli wieħed jifhimha jekk ma jesperjenzahiex.

Huwa saħaq li l-akbar problema, fost il-ħafna li qed iħabbat wiċċu magħhom preżentament, huwa l-fatt li mhux qiegħed jirċievi l-benefiċċji soċjali mingħand l-Awtoritajiet. Dan minħabba li m’għadx għandu indirizz fiss ta’ residenza fejn jirċievi ċ-cheque t’għajnuna. Ir-raġel stqarr li din is-sitwazzjoni hija ta’ toqol doppju għalih ghaliex isofri wkoll minn kundizzjoni ta’ saħħa.

Skont ċifri maħruġa f’Ottubru mill-Eurostat f’pajjiżna hawn madwar 90 elf persuna li jinsabu f’riskju ta’ faqar. Dan ifisser li sfortunatament kawża tal-kriżi pandemika li ninsabu fiha preżentament din ir-rata jaf tiżdied minħabba n-numru ta’ persuni li qed jitilfu jew qiegħdin f’riskju li jitilfu xogħolhom.