Internazzjonali

Sirja: Jinqatlu milizji alleati mal-Iran waqt rejd tal-qawwiet Iżraeljani

Talanqas erba’ milizji ‘b’konnessjoni mal-Iran’ spiċċaw maqtula waqt attakk mill-qawwiet tal-ajru Iżraeljani fuq zona partikulari lejn il-limiti ta’ Damasku. L-ewwel rapporti dwar il-konsegwenzi tal-attakk ingħataw mis-Syrian Observatory for Human Rights u ma kienx eskluż li l-vittmi tal-attakk setgħu jiżdiedu.

Min-naħa tagħha, is-Sirja akkużat lil Iżrael dwar attakk dirett fuq il-mitjar militari ta’ Mezzeh qrib il-kapitali u sostniet li t-taqsimiet tad-difiżi tagħha għal kontra l-attakki mill-ajru ‘ikkonfrontaw l-aggressjoni tal-Iżraeljani’. L-ajruport jingħad li jintuża mill-qawwiet Iranjani fis-Sirja u mhux l-ewwel darba li spiċċa mira għall-attakki li kienu attribwiti għall-qawwiet tal-ajru Iżraeljani.

Filwaqt li Iżrael ma kkummentax fid-dettall dwar is-sitwazzjoni, l-attakk tallum, kellu jseħħ ftit sigħat wara li l-Ministru tad-Difiża Iżraeljan, Naftali Bennett, indika li l-militar ta’ pajjiżu ‘kien lest biex jieħu azzjoni fir-rigward tas-Sirja’.

Intant, is-Syrian Observatory for Human Rights ( ibbażat f’Londra), li hu inkarigat b’moniteraġġ tal-gwerra fis-Sirja, qal li f’dan l-attakk, inqerdu wkoll numru ta’ bini tal-Iranjani fiz-zona speċifika.

Rapporti oħrajn anki sostnew li nqatlu numru ta’ ċivili b’kaġun tax-xrapnel li beda jtir ma kullimkien fl-inħawi milquta. Iżda ma kienx ċar jekk il-vittmi kenux konsegwenza tal-missili tal-Iżraeljani, inkella jekk huma nqatlux bi żball fost l-isparar tad-difiżi tas-Sirjani li rreaġew mal-ewwel għal dan ir-rejd.

Min-naħa tagħha, l-istampa Sirjana qalet li l-ajruplani Iżraeljani sparaw diversi missili mill-ispazju tal-ajru Lebaniża u li d-difiżi tas-Sirja rnexxielhom ‘jinterċettaw’ uħud minn dawn il-missili.