Coronavirus Lokali Qorti

18-il xahar ħabs oħra għal mara bi problema ta’ droga li kienet nqdiet bil-COVID-19 biex tisraq aktar anzjani

Mara ta’ 45 sena, mwielda San Ġiljan u li fil-preżent hija residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ġiet ikkundannata 18-il xahar ħabs mill-Maġistrat Victor George Axiak wara li nstabet ħatja li serqet ġojjelerija u oġġetti oħra għad-dannu ta’ żewġ anzjani minn Birkirkara.

Aktar kmieni dan ix-xahar Natalie Bonello kienet ikkundannata 30 xahar wara li ammettiet diversi serqiet minn residenzi ta’ anzjani. Żewġ serqiet minnhom saru f’Birkirkara, fuq anzjana ta’ 81 sena u oħra fuq anzjana ta’ 92 sena, serqa oħra f’Santa Venera fuq anzjan ta’ 77 sena, u serqa fl-Imsida fuq anzjana ta’ 82 sena.

Flimkien ma’ mara oħra Bonello kienet tħabbat il-bibien taparsi impjegata ma’ aġenziji li joffru s-servizzi lil anzjani, u dan minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

Fil-każ aktar riċenti hija ammettiet li fl-10 ta’ Jannar minn Triq il- Kbira, Birkirkara ikkommettiet serq ta’ ġojjellerija, u affarijiet oħra, liema ammont ma jeċċedix €2329.37 għad-dannu ta’ anzjana ta’ 76 sena.

Hija ammettiet ukoll li fil- 05 ta’ Jannar 2020, ukoll f’Birkirkara kkommettiet serq ta’ ġojjellerija ta’ bejn wieħed u ieħor tal-istess valur għad detriment ta’ anzjana ta’ 91 sena.

Il-Qorti qalet li jidher ċar mill-kondotta tal-imputata li r-reati li ammettiet
għalihom f’din il-kawża ġew ripetuti diversi drabi fil-passat u li hija reċidiva tad-delitt ta’ serq, u fejn ikun hemm tliet kundanni jew iżjed, il-piena tista’ tiżdied minn grad sa’ tlett gradi.

Il-Qorti qalet li ma’ tistax tinjora l-kondotta kulurita tal-imputata minkejja li
l-motiv wara r-reati kommessi kien dak sabiex jiġi ffinanzjat il-vizzju tad-droga. Bonello ingħatat diversi opportunitajiet sabiex tirriforma ħajjitha fil-passat iżda din xorta waħda baqgħet fit-triq tad-delinkwenza.

Illum il-ġurnata l-imputata fil-fatt qed tiskonta sentenza oħra ta’ priġunerija li ngħatat lilha proprju wara li nstabet ħatja ta’ reati ta’ serq. F’dawn iċ-ċirkustanzi l-unika fattur li jimmilita favur sentenza li tqarreb lejn il-minimu huwa dak li Bonello ammettiet fl-aktar stadju bikri ta’ dawn il-proċeduri, biex b’hekk iffrankat il-ħin tal-partijiet kollha tal-proċess u kif ukoll iffrankat ħela ta’ riżorsi li kienu altrimenti jinħlew.

Għaldaqstant il-Qorti tal-Maġistrati kkundannata għal piena karċerarja ta’ 18-il xahar, u ordnat lill-ħatja sabiex tikkumpensa lill-vittmi għall-oġġetti misruqa mingħandhom, liema oġġetti llum ma’ jistgħux jiġu restitwiti lilhom minħabba li ġew mibjugħa, billi tħallashom is-somma fl-ammont ta’ € 2,000 il-wiehed.

Finalment il-Qorti, qalet li kif għamlu Qrati oħra qabilha, qed tagħmel
rakkomandazzjoni lid-Direttur tal-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin sabiex minħabba l-problema akuta tad-droga li għandha Natalie Bonello, din tingħata l-għajnuna kollha neċessarja sabiex tkun tista’ tipprova toħroġ
minn dan il-vizzju billi ssegwi programm ta’ riabilitazzjon. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elton Taliana.