Futbol Sport

26 SENA ILU: Joe Mifsud isir l-ewwel Malti elett fl-Eżekuttiv tal-UEFA

28 TA’ APRIL 1994

Il-ġurnata tat-28 ta’ April ta’ 26 sena ilu tibqa’ importanti fl-istorja tal-futbol Malti. Dakinhar, il-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien Joe Mifsud, sar l-ewwel Malti li ġie elett fl-Eżekuttiv tal-UEFA. Mifsud ħa sehem f’elezzjoni għal sitt membri waqt it-22 Kungress Ordinarju tal-UEFA.

F’dik l-elezzjoni kienu ġew eletti t-Tork Senes Erzik, l-Olandiż Jo Van Marle, l-Ispanjol Angel M. Villa Llona u r-Russu Viacheslav Kolskov. L-Avukat Mifsud flimkien mal-Irlandiż Des Casey u ċ-Ċiprijott Marios N. Lefkaritis kisbu l-istess ammont ta’ voti u għalhekk kien hemm bżonn elezzjoni bejniethom għaż-żewġ postijiet li kien fadal. F’dik l-elezzjoni, Casey u Mifsud kisbu 27 u 26 vot rispettivament filwaqt li Lefkaritis ġab 23 vot.

It-terminu ta’ Joe Mifsud fl-Eżekuttiv tal-UEFA kien għal sentejn, iżda baqa’ jkun elett fil-Kumitat Eżekuttiv sakemm spiċċa fl-2011. Bejn l-2009 u l-2011 kien anki wieħed mill-Viċi Presidenti tal-UEFA u bejn l-1998 u l-2000 kien anki fil-Kumitat Eżekuttiv tal-FIFA. Fl-2011, Mifsud sar Membru Onorarju tal-UEFA.