28 TA’ APRIL 1971
Sliema Wanderers saru champions ta’ Malta għad-19-il darba fl-istorja tagħhom proprju bħal-lum 49 sena ilu. Dakinhar huma għelbu lil Marsa 3-0 f’decider, bil-gowls kollha jaslu fit-tieni taqsima. Iż-żewġ timijiet spiċċaw il-kampjonat b’total ta’ 20 punt wara seba’ rebħiet, sitt draws u telfa, fi żmien meta kienu jingħataw żewġ punti ta’ kull rebħa.
Għal din il-logħba, l-istadium kien mimli ħafna ħin qabel il-bidu ta’ dan id-dwell. F’logħba kkontrollata minn Tonio Briguglio, il-konfront kien denju ta’ rebħa tal-kampjonat. Marsa kienu l-aħjar tim fl-ewwel taqsima iżda l-esperjenza tat-tim Slimiż f’dawn il-logħbiet deċiżivi, spikkat fit-tieni 45 minuta.
Sliema marru fil-vantaġġ wara żewġ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima. Ronnie Cocks qassam b’passaġġ preċiż għan-nofs lejn MARIO SCHEMBRI li għola qabel Vella u b’daqqa ta’ ras tefa’ fir-rokna tax-xibka, b’Collings megħlub. Għalkemm dan il-gowl ta nifs ġdid lil Sliema, Marsa xorta ppruvaw isibu l-livell ta’ logħob li kellhom fl-ewwel taqsima. Fost l-aħjar okkażjonijiet li kellhom, daqqa ta’ ras ta’ Tonna niżlet mal-lasta l-mimduda.
It-tim ta’ Victor Scerri għalaq il-logħba bit-tieni gowl lejn it-tmiem. Collings dawwar f’korner xutt ta’ Cocks u mill-istess korner, Cocks qassam fil-baxx lejn VINCENT VASSALLO li wara li kellu l-ewwel xutt blokkat parzjalment, skorja bit-tieni tentattiv li kien xutt fil-baxx.
Minuta wara, l-iskor sar 3-0, bis-sostitut FRANZ FALZON jiskorja b’xutt għar-rokna wara free-kick ta’ Cocks. Kien ġust li mat-tisfira finali jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Sliema. Il-kulminu ntlaħaq meta l-Viċi President tal-Kunsill tal-MFA M.A. Refalo ppreżenta t-trofew Johnnie Walker lill-captain ta’ Sliema Wanderers Joe Aquilina.
//= $special ?>