Il-Prim Ministru Franċiż, Edouard Philippe, qal li f’xahar wieħed kienu salvati mat-62,000 ħajja matul il-lockdown f’pajjiżu. Philippe kien qed jagħmel diskors lill-Parlament dwar il-pjani tal-Gvern għat-tnaqqis tar-restrizzjonijiet għall-poplu u fejn sostna li l-ħwienet fi Franza għandhom jiftħu mill-ġdid fil-11 ta’ Mejju – iżda mhux il-bars u r-ristoranti.
Fil-fatt, se jibqgħu effettivi r-regoli stretti għall-aktar reġjuni tal-pajjiż li ġarrbu l-impatt tal-coronavirus.
Mill-11 ta’ Mejju, fi Franza, mistennija jiftħu, gradwalment, l-iskejjel elementari flimkien mal-kumplessi ta’ kindergarten – bl-iskejjel sekondarji jiftħu xi ġimgħa wara. Id-deċiżjoni għall-ftuħ tal-iskejjel ogħla ta’ Franza għandha tittieħed fl-aħħar ta’ dan ix-xahar.
Il-membri tal-pubbliku jridu jilbsu bilfors il-maskli tal-wiċċ kulmeta jużaw it-trasport pubbliku fi Franza – bl-ilbies tal-maskli anki qed ikun infurzat fl-iskejjel kollha (ħlief fil-każ tat-tfal ċkejknin li jattendu l-kindergarten).
Intant, il-lockdown mhux se jkun suġġett għal tibdil f’każ li l-ammont tal-infezzjonijiet ġodda fi Franza ma jinżilx għal madwar 3,000 kuljum sal-11 ta’ Mejju.
L-Assemblea Nazzjonali (Parlament) ta’ Franza, fil-preżent, qed tħejji biex tiddibatti l-pjan qabel vot speċifiku min-naħa tad-deputati.
//= $special ?>