Internazzjonali

Donald Trump ma jistax jifhem għalfejn żdiedu l-mistoqsijiet dwar id-diżinfettant…

Il-President Donald Trump

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ‘ma jistax jimmaġina’ kif setgħu żdiedu l-interventi tal-Amerikani fuq il-hotlines tal-pajjiż u fejn in-nies tkellmu primarjament dwar id-diżinfettanti u l-linji gwida relattati.

Dan wara li Trump issuġġerixxa ‘injezzjonijiet’ bid-diżinfettant bħala trattament għall-coronavirus — bil-Gvernaturi ta’ Michigan u Maryland, fl-aħħar jiem, iwaħħlu fil-President għall-fatt li żdiedu t-telefonati tan-nies għall-pariri.

Il-kumment ta’ Trump kien ikkritikat bl-aħrax mill-professjonisti mediċi u l-President, wara, qal li kien qed jitkellem b’mod sarkastiku. Madankollu il-hotline ta’ emerġenza f’Maryland fl-aħħar jiem irreġistra l-mijiet tat-telefonati mingħand in-nies li xtaqu jkunu jafu dwar  ‘il-fatti’.

Il-President qed jirrifjuta li jaċċetta responsabbiltà għaż-żieda f’dawn it-telefonati – bl-awtoritajiet għadhom iwissu biex in-nies ma jixorbux jew jinjettaw id-diżinfettant li kapaċi jħalli konsegwenzi fatali.