Ekonomija Kummerċ Lokali

Gordon Cordina nnominat Chairman tal-Bord tal-BOV

Gordon Cordina kien innominat Chairman tal-Bord tal-Bank of Valletta iżda hija suġġetta għal approvazzjoni regolatorja, li se tidħol fis-seħħ mis-7 t’Ottubru 2020.

Dan fid-dawl li jrid jagħmel 6 xhur ta’ preklużjoni peress li kien wieħed mid-diretturi tal-Bord ta’ HSBC Malta Ltd u għalhekk se jkun innominat Alfred Lupi bħala chairman interim f’dawn is-6 xhur.

Sadanittant, il-BOV se tkun qed taħdem mill-qrib mal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta sabiex immedjatament jibda l-proċess li jkun infurmat il-Bank Ċentrali Ewropew b’dawn n-nominazzjonijiet, sabiex ikunu konklussivi l-proċeduri meħtieġa ta’ ivvettjar, idealment qabel il-laqgħa ġenerali annwali tal-Bank.

Dr Gordon Cordina hu fost l-ekonomisti ewlenin fil-gżejjer Maltin b’esperjenza professjonali mifruxa fuq 25 sena fil-qasam bankarju, tfassil ta’ politika, akkademja u konsulenza fis-settur privat. Hu gradwa mill-Università ta’ Cambridge u mill-Università ta’ Malta. L-oqsma ewlenin tiegħu ta’ interess akkademiku huma t-tkabbir u d-dinamika ta’ ekonomiji makro li qed jaffaċċjaw ekonomiji li huma suġġettibbli għal riskji kbar.

Dr Cordina għandu snin ta’ esperjenza fil-Kumitat tal-Bord u Riskju f’istituzzjonijiet finanzjarji ewlenin f’Malta. Serva bħala manager tad-Dipartiment tar-Riċerka fi ħdan il-Bank Ċentrali ta’ Malta, Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ta’ Malta, Kap tad-Dipartiment tal-Ekonomija fi ħdan l-Università ta’ Malta u konsulent ekonomiku għall-Kunsill Malti għall-Ekonomija u Żvilupp Soċjali.

Permezz ta’ kumpanija privata dwar konsulenza li waqqaf fl-2006, Dr Cordina hu involut f’numru ta’ proġetti ta’ riċerka lokali u internazzjonali u ta’ assessjar ta’ konsulenza ma’ istituzzjoni inklużi l-Kummissjoni Ewropea, ministeri tal-gvern u awtoritajiet, NGOs u entitajiet fi ħdan is-settur privat. Dr Gordon Cordina hu wkoll lettur fi ħdan l-Università ta’ Malta.