Coronavirus Futbol Sport

Iċ-chairman tal-Kumitat Mediku tal-FIFA tal-opinjoni li l-futbol għandu jirritorna tal-anqas f’Settembru

Iċ-chairman tal-Kumitat Mediku tal-FIFA Michel D’Hooghe ma jemminx li l-futbol għandu jirritorna tal-anqas sal-1 ta’ Settembru. Uħud mill-kampjonati fosthom il-Bundesliga fil-Ġermanja, jista’ jirritorna sa mix-xahar id-dieħel u l-kampjonat Ingliż jista’ jirritorna bil-bibien magħluqa f’Ġunju. D’Hooghe hu tal-opinjoni li għadu kmieni wisq biex il-plejer ikollhom kuntatt ma’ plejer ieħor, tal-anqas sakemm ikun għad hemm ir-regola tad-distanza soċjali.

“Id-dinja mhix lesta għall-futbol kompetittiv. Nittama li jista’ jkun hemm bidla malajr. Illum irridu aktar paċenzja. Din hi l-aktar sitwazzjoni drammatika li għexna minn żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Ma nistgħux nissottovalutawhom, irridu nkunu realistiċi,” qal D’Hooghe.

Il-Belġjan kompla li l-futbol jibqa’ sport ta’ kuntatt u li jiġi evitat il-kuntatt hu wieħed mill-ewwel regoli. D’Hooghe jħoss ukoll li għandu jkun hemm bidla fir-regoli meta l-futbol jirritorna fosthom karti sofor għall-plejers li jinqabdu jobżqu waqt il-logħbiet.