F’laqgħa fuq pjattaforma online li kellu il-Kap tal-PN Adrian Delia, kompla joħroġ fid-deher il-fatt li numru kbir ta’ impjegati għadhom ma rċivewx l-għajnuna mwegħda fit-tielet pakkett finanzjarju mħabbar mill-Gvern.
Dan ħareġ waqt diskussjoni li kellu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista flimkien ma’ numru ta’ skejjel tal-Ingliż li joperaw f’pajjiżna.
Adrian Delia stqarr li dawn il-laqgħat qed isiru biex l-Oppożizzjoni tibqa’ pro-attiva u toħroġ bi proposti konkreti ħalli il-Gvern tassew jgħin lill-ħaddiema.

Il-kritika ewlenija tal-Partit Nazzjonalista hi li fis-settur privat hemm madwar 100 elf ħaddiema li s’issa ma inghataw ebda benefiċċju. Dan kien konfermat mir-rappreżentanti tal-iskejjel tal-Ingliż illi saħqu li minkeja li jikkwalifikaw għall-iskema tat-€800 u minkejja li l-applikazzjonijiet taghhom ġew approvati, s’issa għadhom ma rċivew ebda fondi mill-Gvern u kellhom joħroġu l-pagi ta’ Marzu u April minn buthom.
Il-membri ta’ ‘Feltom’ li jagħmlu 85% tas-suq Malti f’dan il-qasam stqarru li kienu l-ewwel industrija, flimkien mat-turizmu, li ntlaqtet mill-Coronavirus malli bdew restrizzjonijet fuq vjaġġi madwar id-dinja. Huma talbu għal pjan nazzjonali li mhux biss jasal sa’ Ġunju li ġej.

Adrian Delia minn naha tieghu saħaq li b’mod proattiv, minkejja li l-Gvern mhux jinkludi lill-Oppożizzjoni fid-diskusjonijiet, il-Partit Nazzjonalista qed iħares lejn numru ta’ proposti li jistgħu jgħinuna noħorġu b’mod b’saħħtu mill-pandemija tal-COIVD-19… u huwa għalhekk li l-Oppożizzjoni qed iżżomm kuntatt mas-setturi kollha tas-soċjetà.
Matul din il-laqgħa Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Viċi Kapijiet David Agius u Robert Arrigo kif ukoll il-Kelliem għall-Edukazzjoni Clyde Puli.
