Lokali

Il-Gvern tellef is-sovranità ta’ Malta fl-enerġija

Ryan Callus, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li bil-bejgħ ta’ parti mis-settur tal-enerġija liċ-Ċiniżi il-Gvern Malti tellef is-sovranità lil Malta f’settur tant importanti tant li issa ma jistax iraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għax irid jitkellem maċ-Ċiniżi.

Fl-Aġġornament tal-parlament id-deputat Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-prezz taż-żejt fil-kuntest tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma u qal li l-Gvern Laburista jibqa’ ma jridx iraħħas il-kontijiet meta l-prezz internazzjonali taż-żejt issa hu taħt iż-żero dollaru l-barmil.

Ryan Callus qal li fil-verità l-Gvern Laburista ma jistax iraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għaliex biegħ is-settur tal-enerġija liċ-Ċiniżi u għalhekk id-deċiżjoni ma tiddependix minnu biss. Hu qal li l-Gvern Laburista, li tant jiftaħar bis-sovranità u bin-nazzjon, tellef is-sovranità ta’ Malta fl-enerġija.

Kien il-Ministru tal-Finanzi stess li ammetta li l-Gvern ma jistax iraħħas il-kontijiet minħabba li issa hemm iċ-Ċiniżi involuti; liema Ċiniżi għażlu li jixtru l-impjant tal-BWSC. Dan hu l-istess impjant li l-PL kien tant jikkritika lill-Gvern Nazzjonalista bih.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Gvern Laburista wettaq skandlu meta fix-xiri taż-żejt daħħal lill-intermedjarju Socar biex b’hekk il-pajjiż qed ikollu jħallas €40 miljun fis-sena. Dan kien ftehim li sar apposta u bi pjan biex jitħallsu dawn il-flus.

Minbarra dan, il-Gvern Laburista qed jixtri wkoll l-enerġija mill-iktar sors ogħli u daħal fi ftehim biex jixtri l-enerġija bi prezz fiss u iktar ogħli għal 18-il sena sħaħ. Dan filwaqt li l-ftehim mal-Electrogas hu ftehim korrott li minnu Keith Schembri u Konrad Mizzi nqabdu f’korruzzjoni ta’ €5,000 kuljum.

Ryan Callus ikkundanna l-attakki personali u ta’ mibgħeda li saru fuq l-MEP Roberta Metsola u sostna li anki kien irċieva ittra ta’ theddid li fih kien anki attakkat b’ommu li hiu mejta. Hu sostna li dan mhux se jwaqqfu milli jkompli jaqdi d-doveri tiegħu għall-ġid tal-poplu Malti.

Id-deputat Nazzjonalista qal li kien irċieva ilment mingħand ġenitur ta’ tifel li xtaq insemmi lit-tarbija tiegħu Ġorġ. Dan il-persuna kien informat li l-insinwa ma setgħetx taċċetta li l-isem ikun bil-Malti minħabba li ma jaċċettawx li dan isir.

Ryan Callus qal li dan m’għandux ikun aċċettabbli meta l-lingwa Maltija hi rikonoxxuta bħala waħda mill-lingwi uffiċjali tal-UE. Hu sostna li fl-2015 kien hemm wegħda li sal-2017 se jkun possibbli li l-ismijiet bil-Malti jkunu aċċettati.

Ryan Callus appella biex il-koppji Maltin jingħataw il-faċilità u d-dritt li jsemmu lit-tfal tagħhom ismijiet Maltin u li dawk li fil-passat ma tħallewx għandu jkollhom il-pożizzjoni tagħhom riveduta u rranġata.