Ma jgħidx xejn dwar ir-rapport fuq l-Imrieħel u l-laqgħa ma’ Yorgen Fenech
Il-Ministru Michael Farrugia ikkompara t-tksisir tal-għases minn partitarji laburisti fl-1958 mal-protesti tas-soċjetà ċivili fil-Belt meta kien qed jikkrolla l-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat f’Diċembru 2019.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li filwaqt li fl-1958 il-Gvern Ingliż kien arresta lid-dimostranti u bagħat il-ħabs lil diversi dimostranti, il-Gvern Laburista ma bagħat lil ħadd il-ħabs mid-dimostranti li kienu qed jipprotestaw fil-Belt f’Diċembru 2019 fl-aħħar ġranet tal-gvern Laburista ta’ Joseph Muscat.

Id-diskors tal-Ministru Farrugia kien l-ewwel opportunità li kellu biex iwieġeb fid-dettal għar-rapporti riżenti li kienu żvelati inn The Times u d-deputat Nazzjonalista David Thake. Il-Ministru Farrugia jinsab iffaċċjat b’akkużi li ta ordni lill-Awtorità tal-Ippjanar biex iddaħħal l-Imrieħel bħala żona li fiha jista’ jsir bini ogħli.
Dan sar wara laqgħa li l-istess Michael Farrugia kellu ma Yorgen Fenech; l-istess Yorgen Fenech li l-kumpanija tiegħu qed tibni torrijiet fl-Imrieħel. Yorgen Fenech hu wkoll l-akkużat li kien il-moħħ wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fil-parlament u fl-opinjoni pubblika, il-Ministru Michael Farrugia kien mitlub jispjega kif u għaliex iltaqa’ ma’ Yorgen Fenech propju ftit qabel l-Awtorità tal-Ippjanar bidlet il-policy tagħha u inkludiet l-Imrieħel fost il-lokalitajiet fejn jista’ jsir bini ogħli. Il-laqgħa bejn il-Ministru Michael Farrugia u Yorgen Fenech kienet saret f’Kastilja.
//= $special ?>