Lokali

Il-Ministru Owen Bonnici “għadu janalizza”

Il-pjan huwa li Skola Sajf tiftaħ fl-ewwel ta’ Lulju li ġej. Dan ikkonfermah il-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici waqt konferenza tal-aħbarijiet.

OwenBonnici żied jgħid li se jkun qed jagħti aktar informazzjoni dwar dan hekk kif toqrob id-data tal-ftuħ ta’ Skola Sajf. Dan sabiex tigi analizzata fiex tkun waslet is-sitwazzjoni marbuta mal-coronavirus f’pajjiżna.

Intant….qed tikber ir-rabja ta’ diversi studenti fil-livell post sekondarju u Terzjarju. Dan għaliex l-istudenti li huma impjegati fuq bażi part-time, u waqfu mix-xogħol, mhux se ikunu eliġibbli għall-għajnuna ta’ €500 mill-Gvern …minħabba li kull xahar jirċievu l-istipendju.

Diversi studenti li tkellmu ma’ Net News qalulna li spiċċaw f’pożizzjoni fejn ikollhom jagħżlu jekk jieħdux l-istipendju jew is-suppliment tal-Gvern, speċjalment meta hawn ħafna studenti, li jaħdmu part-time …u li għalihom “mhux għażla, iżda neċessità li jaħdmu”.

Mistoqsi minn dan l-istazzjoni dwar din il-kwistjoni, il-Ministru tal-Edukazzjoni qal biss li qed janalizza din is-sitwazzjoni.

Matul din il-konferenza tal-aħbarijiet ġie mniedi sit elettroniku ġdid, Teleskola.mt, li jinkludi fih diversi riżorsi edukattivi għal student ta’ kull età.

Minħabba l-fatt li bħalissa l-iskejjel jinsabu temporanjament magħluqin minħabba t-tixrid tal-coronavirus, dan is-sit se joffri għajnuna addizzjonali lill-istudenti sabiex jibqgħu għaddejjin bl-edukazzjoni tagħhom minn ġewwa darhom.

F’dan is-sit eletroniku se jkun hemm ammont kbir ta riżorsi edukattivi aċċessibbli għal kulħadd, f’forma ta’ lezzjonijiet għal kull suġġett. L-iskejjel se jkunu qed jiftħu mill-ġdid il-bibien tagħhom f’Settembru li ġej.