Il-Partit Nazzjonalista laqa’ b’sodisfazzjon il-politika l-ġdida dwar ir-rilokazzjoni tal-pompi tal-fuel, imħabbra mill-Gvern riċentement. Għalkemm dan hu pass fid-direzzjoni t-tajba, l-PN ma jifhimx għaliex il-Gvern kellu jieħu snin biex jasal s’hawn, speċjalment meta l-istess PN u oħrajn, kien ilhom żmien iħambqu biex dan isir.
Permezz ta’ stqarrija id-Deputati Kevin Cutajar, Toni Bezzina, David Thake u Edwin Vassallo qalu li d-dewmien mhux ta’ ġid għall-ibliet u l-irħula tagħna fejn jinsabu ħafna mill-pompi tal-fuel li jridu jiġu rilokati u dan minħabba l-konġestjoni fit-traffiku u l-periklu kawżati minn dawn il-pompi. Dewmien li anqas kien ta’ ġid għas-sidien li xtaqu jiċċaqilqu, iżda li kellhom joqogħdu jistennew b’inċertezza għan-negozju tagħhom.
Ta’ min jinnota li l-Gvern baqa’ sieket dwar punt importanti ħafna li fl-opinjoni tal-PN jħoll u jorbot dwar jekk il-pompi tal-fuel humiex fl-aħħar mill-aħħar se jkunu qed jiċċaqalqu mill-ibliet u l-irħula tagħna. Infatti l-Gvern ma ta ebda dettalji dwar jekk hux se jkun hemm x’inċentivi biex is-sidien jitħajjru aktar jagħmlu ċ-ċaqliqa.
Il-PN kien jistenna li jkun hemm inċentivi marbuta mal-investiment fuq forom nodfa ta’ enerġija bħal fast chargers għall-vetturi tal-elettriku. Naturalment, dawn iridu jimxu id f’id ma inċentivi oħra lill-pubbliku biex dan jixtri vetturi tal-elettriku, qasam dan fejn il-Gvern għadu lura. Id-dispjaċir għall-PN hu li fid-dokument dwar il-politika għar-rilokazzjoni tal-pompi tal-fuel, hemm sentenza waħda biss dwar vetturi bl-elettriku li juri l-faqar fil-viżjoni tal-Gvern għal dan is-settur.
Apparti l-inċentivi, l-PN kien jistenna fuq kollox li l-Gvern ma jħarisx biss lejn il-preżent iżda wkoll lejn il-futur. Minħabba li fi kliem il-Gvern stess, pajjiżna jrid jibda jħares lejn it-tmien tal-użu tal-fuels tradizzjonali bħal petrol u d-diesel u minflok imur għal forom aktar nodfa ta’ enerġija bħall-elettriku, kien u jibqa importanti li l-Gvern jagħti wkoll direzzjoni biex il-pompi li se jiċċaqalqu mill-ibliet u l-irħula tagħna jkunu preparati għal din il-qalba.
//= $special ?>