Coronavirus Edukazzjoni Għawdex Lokali

Jappellaw biex il-lezzjonijiet virtwali jissuktaw wara l-COVID-19 fil-Kampus t’Għawdex

Il-Grupp Universitarji Għawdxin fakkru kif l-Università ċaħħdet bosta drabi t-talba tagħha biex isiru lezzjonijiet virtwali mill-Kampus t'Għawdex

Il-Grupp Universitarji Għawdxin, fi stqarrija t-Tlieta waranofsinhar, appellaw lill-Università ta’ Malta biex il-lezzjonijiet isiru permezz ta’ telekonferenzi mill-kampus tal-Università f’Għawdex, li huwa mgħammar diġà bl-apparat meħtieġ iżda qajla jintużaw u għalhekk dawn ir-riżorsi mhumiex jiġu sfruttati.

Din il-proposta tressqet bosta drabi lill-Università iżda ġiet miċħuda kemm-il darba. Issa li dawn il-prattiċi virtwali, fosthom ‘Zoom’, qed jintużaw waqt il-lezzjonijiet illum il-ġurnata madwar l-Università kollha biex jitħarsu l-miżuri ta’ social distancing, il-GUG saħħqet li jkun ferm vantaġġjuż għall-istudenti Għawdxin li dawn il-prattiċi jissuktaw wara l-COVID-19 fl-isnin skolastiċi li ġejjin.

“Din il-pandemija sfortunata uriet li mhux biss huwa possibbli li jsiru lezzjonijiet onlajn, imma huma konvenjenti ħafna kemm għall-letturi kif ukoll għall-istudenti. Nistgħu nippruvaw nieħdu vantaġġ minn din is-sitwazzjoni sfortunata u nirrealizzaw li nistgħu nagħmlu użu mit-tagħmir tal-kampus ta ‘Għawdex biex it-telekonferenzji jibdew isiru!”

L-għaqda studenteska Għawdxija mhix titlob li l-lezzjonijiet isiru biss online, peress li l-esperjenza li l-istudent ikun fuq il-kampus u jagħmel ħbieb ġodda hija waħda sabiħa ferm, iżda li l-istudenti Għawdxin jkollhom l-għażla li jattendu għal-lezzjonijiet b’telekonferenzi.

Dan jista’ jkun ta’ benefiċċju għal bosta studenti Għawdxin f’sitwazzjonijiet differenti u tħajjar aktar Għawdxin, li ma jaffordjawx anki jikru post f’Malta, sabiex jissuktaw l-istudji tagħhom fil-livell terzjarju.

Din il-proposta qed issir fid-dawl li jeżistu studenti Għawdxin jaslu d-dar nhar ta’ Ġimgħa bejn l-10 u l-11 ta’ filgħaxija, skont it-traffiku, u qajla jgawdu 36 siegħa sħiħa fil-ġimgħa mal-familji tagħhom qabel jirritornaw Malta għal ġimgħa oħra ta’ lezzjonijiet.

L-għażla ta’ lezzjonijiet online mill-Kampus t’Għawdex tiffaċilità l-ħajja ukoll ta’ studenti Għawdxin part-time tal-Masters li jaħdmu Għawdex, li jkollhom jinżlu Malta wara x-xogħol biex jaslu fil-ħin għal-lezzjoni u wara jirritornaw lura Għawdex.

Flimkien ma’ studenti full time li jaqsmu ta’ kuljum, b’hekk jiffrankaw l-iskariġġ li jaqsmu l-fliegu meta jkun il-maltemp, bil-konsegwenza li jew jitiflu l-lezzjoni għax il-vapur t’Għawdex jieqaf milli jopera jew jaslu tard għax il-vapur ikun iddawwar.

Il-GUG temmet tgħid li hija konxja li din il-proposta mhijiex prattika għal kull kors universitarju u għalhekk għandha titħaddem b’mod flessibli u gradwali.