L-Istat ta’ New South Wales – li hu l-aktar Stat tal-Awstralja li għandu popolazzjoni kbira – qed inaqqas ftit mir-restrizzjonijiet għall-movimenti tan-nies filwaqt li reġgħu nfetħu numru ta’ bajjiet. Dan ukoll fost tamiet li politika li tibbaża fuq it-testijiet mediċi fuq skala kbira għandha tgħin għat-tnaqqis kontinwu fil-każi ġodda tal-Covid-19.
Intant, il-Bajja ta’ Bondi u żewġ bajjiet oħra f’Sydney reġgħu fetħu għar-residenti lokali wara li kienu ilhom magħluqin għal xahar, b’konsegwenza tal-folol kbar tan-nies li kienu qegħdin jiksru l-liġijiet għal social distancing.
L-Awstralja, fl-aħħar perjodu speċifikat (għal 24 siegħa) irreġistrat każ wieħed biss tal-Covid-19 , bil-każ ikun dovut għal ‘sors mhux identifikat’. Intant, il-Ministru Awstraljan għas-Saħħa, Greg Hunt, qal li ‘il-pajjiż qed jirnexxilu jegħleb lill-coronavirus għalkemm, għalissa, mhux f’pożizzjoni li jiddikjara rebħa konklussiva’.
L-Istat ta’ New South Wales irreġistra madwar nofs tas-6,700 każ tal-Covid-19 fl-Awstralja. Intant, l-awtoritajiet lokali, min-nhar il-Ġimgħa, se jippermettu biex żewġ adulti (bħala massimu) jżuru r-residenza ta’ persuna oħra – bit-tfal se jkunu permessi li jakkumpanjaw lill-adulti waqt il-‘house visits’.
Dan meta l-politika fuq kunċett ta’ ‘stay-at-home’ u l-miżuri kontra l-movimenti tan-nies li ‘mhumiex essenzjali’ mgħandhomx jibqgħu applikati b’mod daqstant riġidu.
L-Awstralja, li għalqet il-fruntieri esterni u interni, kienet imponiet shutdown bikri għan-negozji minbarra li ħarġet ir-regoli stretti għal social distancing. Intant, il-pajjiż irnexxielu jevita r-rati enormi tal-infezzjonijiet bil-Covid-19 u l-iskala tal-imwiet allarmanti reġistrati minn pajjiżi oħra.
L-Istati Awstraljani, fl-istess ħin, jemmnu li kapaċi jnaqqsu mir-restrizzjonijiet peress li r-rata lokali ta’ infezzjonijiet ġodda naqset għal madwar wieħed fil-mija għal kull ġurnata — li tipparaguna tajjeb mal-25 fil-mija ta’ xahar ilu.
Il-Gvernijiet tal-Istati Awstraljani, intant, waqqfu ċentri għan-nies biex jagħmlu t-testijiet għall-coronavirus u qegħdin jesiġu biex in-nies jgħaddu minn din il-proċedura anki jekk ma jkunux qed juru sintomi.