Lokali

Lanqas il-Gvern mhu ‘l fuq mill-liġi – PN

Ritratt: Arkivji

Fuq ordni tal-aġenzija tal-Gvern – Infrastruttura Malta- mill-bieraħ waqaf ix-xogħol kollu fit-toroq tal-pajjiż, bl-iskuża tkun li m’hawnx fejn jiġi mormi l-materjal tal-kostruzzjoni.

Dan intqal fi stqarrija tal-Partit Nazzjonalista ffirmata mill- Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport u Mobbiltà, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Toni Bezzina u l-Kelliem għall-Ambjent u l-Emerġenza tal-Klima, David Thake.

Ilbieraħ fil-Parlament waqgħet il-maskla tal-Gvern Laburista meta il-Ministru għall-Ambjent, Tibdil fl-Klima u Ippjanar Aaron Farrugia stqarr illi mhux minnu li m’hawnx fejn jintrema materjal tal-kostruzzjoni, iżda il-Gvern li hu stess jifforma parti minnu ma jridx iħallas il-prezz tas-suq għar-rimi ta’ dan il-materjali kif jagħmel kull ċittadin komuni. Għalhekk, soluzzjoni short term li sab il-Gvern Laburista hi li jew jarmi dan il-materjal fil-baħar jew jarmih fit-toroq stess, partikolarment Triq Dicembru Tlettax fil-Marsa, fejn ftit xhur ilu l-Ministru Ian Borg tant ftaħar li ntefqu l-miljuni ta’ ewro biex sar xogħol ta’ twessiegħ u għoti ta’ tarmac.

Jidher li l-Ministru Ian Borg qed jipprova jżomm lill-pajjiż ostaġġ sabiex tgħaddi x-xewqa tiegħu li jarmi l-iskart il-baħar. B’dan il-mod jgħatti l-inkompetenza li wera meta lanqas jidher li kien kapaċi jagħmel budgeting serju dwar l-ispejjeż meħtieġa sabiex jiddisponi mill-iskart li ħoloq hu stess.

Il-Ministru Borg irid, li minflok Infrastructure Malta tħallas għar-rimi ta’ dan l-iskart, iħallas l-ambjent tal-poplu Malti. Dan il-prezz ikun ferm u ferm ogħla mill-prezz li qed jirrifjuta li jħallas Ian Borg.

Jidher li l-Ministru difensur tal-Ambjent – Aaron Farrugia – ċeda l-armi u qed jaċċetta li jsir dan l-isfreġju ambjentali sabiex iżomm il-paċi ma’ Ian Borg.

Din hija konferma li l-Gvern Laburista fil-qasam tal-infrastruttura u kostruzzjoni, b’mod speċjali fl-iżvilupp tat-toroq, qatt ma kellu budget serju, allavolja xeba jiftaħar li se jonfoq mas-€700miljun f’ seba snin mit-taxxi tal-poplu tagħna. Anzi, l-azzjonijiet tal-Gvern f’ dawn l-aħħar ġranet juru biċ-ċar li tilef il-boxxla.

ll-Minstru Ian Borg irid iwieġeb x’ wassal biex xogħolijiet ta’ toroq, anke f’dawk li ma fadal l-ebda xogħol ta’ tħaffir fihom, twaqqfu ħesrem b’inkonvenjent kbir għal dawk kollha li jgħixu f’ dawn it-toroq kif wkoll b’periklu għal dawk kollha li jgħaddu minnhom.

Il-Ministru Aaron Farrugia, li taħtu taqa’ l-ERA kif wkoll l-Awtorità tal-Ippjanar, irid jgħid x’passi se jieħu l-Gvern fl-konfront tal-Aġenzija tal-Gvern Infrastruttura Malta li hi responsabbli mill-eżekuzzjoni tax-xogħolijiet tat-toroq f’ pajjiżna li ħalliet materjal tal-kostruzzjoni tat-toroq jintrema fi triq prinċipali ta’ pajjiżna b’ detriment u b’ periklu għal dawk kollha li jgħaddu minnha.

Għalekk il-Partit Nazzjonalista jappella lil Gvern biex, b’mod immedjat, jaħdem fuq soluzzjoni differenti minn dik li jarmi materjal tal-kostruzzjoni tat-toroq fil-bahar biex b’ hekk jiskansa diżastru ambjentali marittimu. Fl-istess ħin, il-Partit Nazzjonalista jtenni li biex nilqgħu għal li sfidi li fil-futur rimi ta’ materjal ta’ kostruzzjoni jġib miegħu, filwaqt li jippromwovi r-riċiklaġġ ta’ materjal ta’ kostruzzjoni, permessi li ilhom pendenti għal snin sħaħ għal estensjoni jew barrieri ġodda biex jirċievu radam ġo fihom għandhom ikunu iproċessati mmedjatament filwaqt li jkun irrispettat u protett l-ambjent ta’ madwarna.