Ambjent Lokali

Mhux vera li l-proġett tal-Magħtab approvat mill-Kunsill Lokali tan-Naxxar

Ritratt: Matthew Tabone

L-istqarrija li ħareġ illum il-Kunsill Lokali tan-Naxxar fuq il-proġett tal-Magħtab hija prova ta’ kemm filfatt, il-Ministru Aaron Farrugia, qarraq u żgwida lill-Kamra tad-Deputati meta qal li “l-Kunsill Lokali tan-Naxxar jaqbel mal-proġett.” 

Dan ħareġ minn stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ, l-Isport tul Ħajjitna, l-Volontarjat u l-Ġlieda kontra l-Obeżità, Robert Cutajar, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ugwaljanza Vera u Sħiħa, Claudette Buttigieg, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Anzjanità Attiva u Inklussiva u l-Persuni b’Abbiltajiet Differenti, Maria Deguara, il- Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Tisħiħ tal-Gvern Lokali u l-Komunitajiet Karl Gouder, il- Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent u l-Emerġenza tal-Klima, David Thake u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Tisħiħ tal-Agrikoltura u s-Sajd, Delizzji, Self Employed u l-Koperattivi, Edwin Vassallo.

Ilbieraħ, it-Tnejn, 27 ta’ April 2020, waqt il-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari, l-Ministru Aaron Farrugia qal li l-Kunsill Lokali tan-Naxxar jaqbel mal-proġett tal-Magħtab. Diversi Membri Parlamentari min-naħa tal-Oppożizzjoni għamlu numru ta’ mistoqsijiet fuq is-suġġett tal-Magħtab b’mod speċifiku fuq il-proċess ta’ konsultazzjoni, fuq l-environment impact assessment, kif ukoll fuq il-problema tal-iskart tal-kostruzzjoni u l-miżbla tal-Qortin f’Għawdex. Kien waqt id-diskussjoni mqanqla li l-Ministru Farrugia, għax ħassu daharu mal-ħajt, tenna diversi drabi, li l-Kunsill Lokali tan-Naxxar kien qed jaqbel mal-proġett. Issa li l-Kunsill Lokali tan-Naxxar qed jagħmel il-pożizzjoni tiegħu ċara, l-Ministru Farrugia għandu:

  • Jirtira dak li qal fuq il-Kunsill Lokali tan-Naxxar.
  • Jippubblika d-dettalji kollha tal-proġett tal-Magħtab inkluż il-minuti tal-laqgħat ta’ konsultazzjoni speċjalment mar-rappreżentanti tar-residenti u tal-bdiewa.
  • Jirtira milli jkompli jieħu r-raba’ agrikola tal-bdiewa
  • Jippubblika l-environment impact assessment tal-proġett tal-Magħtab, mill-aktar fis possibbli.

Nappellaw lill-Gvern biex jikkonsulta mal-Oppożizzjoni u minbarra li jikkonsulta mal-Kunsill Lokali tan-Naxxar jikkonsulta wkoll mal-Kunsilli Lokali l-oħrajn tal-madwar bħal San Pawl il-Baħar u l-Għargħur sabiex issir konsultazzjoni vera u serja.