“Qegħdin nagħmlu stedina lil kull deputat tal-Gvern li permezz tal-vot tiegħu jħares l-interess nazzjonali u jivvota sabiex ma nħallsux €100 miljun lil min seraq lill-poplu tagħna. Il-Ħamis li ġej, il-Gvern irid juri fejn huma l-prijoritajiet tiegħu, jekk hux ma’ kumpanija barranija li ma tagħtna xejn minkejja l-€260 miljun mill-flus tan-nies, jew inkella hux se jivvota (mal-Oppożizzjoni) favur il-poplu Malti u Għawdxi.”, hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia waqt konferenza tal-aħbarijiet jumejn qabel il-mozzjoni.

Adrian Delia spjega li minn dan il-ftehim ma bbenefika ħadd ħlief il-ftit li bil-barka tal-Gvern, qed jitħanżru minn fuq il-flus tat-taxxi tan-nies. Huwa qal li l-poplu għaraf kemm dan il-kuntratt huwa deal ħażin u korrott u 90% tan-nies huma favur il-mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni biex dan il-ftehim jiġi kkanċellat, liema mozzjoni kienet xprunata wara dak li żvelat il-midja li Konrad Mizzi ffirma resinstatement agreement u rabatna lkoll li nħallsu €100 miljun lil Steward jekk il-kuntratt jiġi kkanċellat, wara li kien jaf li Steward ma onorawx l-obbligi tagħhom. Dr Delia spjega li l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni:
- Tikkundanna bil-qawwa kollha dan il-ftehim, li ma jibbenefika lil ħadd ħlief għal dawk li ħa jdaħħlu l-miljuni minnu.
- Tikkundanna l-aġir tal-membri tal-Gvern li b’mod ċar kien kontra l-interess nazzjonali għax poġġa l-obbligi kollha fuq il-poplu Malti u Għawdxi u ma poġġa l-ebda obbligu fuq l-kuntrattur privat barrani.
- Tinsisti li għandhom jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex minnufih dan il-kuntratt jkun annullat.
Adrian Delia qal li l-poplu qiegħed jifhem li dan il-kuntratt għandu jitħassar; li ma jistax ikun nibqgħu nħallsu bejn €80 u €90 miljun fis-sena mingħajr ma nieħdu xejn lura. Matul dan il-mument ta’ pandemija globali, iktar qegħdin nifhmu u nħossu l-gravità tas-sitwazzjoni għaliex kieku sar l-investiment li ġie mwiegħed, kieku ma kienx ikollna nibnu prefabricated hospital għax kien ikollna 900 sodda. Huwa qal li bħala poplu għandna dritt inkunu nafu l-Gvern xi ftehim għamel dwar is-saħħa tagħna u għalhekk l-Oppożizzjoni qegħda tinsisti li għandhom jiġu ppubblikati l-kuntratti kollha li saru b’rabta mal-privatizzazzjoni tal-isptarijiet u ma’ dan il-kuntratt ġdid ta’ Awwissu li għadda.
Stephen Spiteri qal li l-kuntratt li bih il-Gvern ta tliet sptarijiet tal-poplu lil Vitals mhu xejn viċin li jħares is-saħħa taċ-ċittadini. Huwa qal li Vitals mhux biss ma onorawx il-kuntratt iżda ħadu miljuni kbar mit-taxxi tan-nies għal xejn. Kemm l-Oppożizzjoni kif ukoll unjins oħrajn sejħu dan il-kunratt bħala financial flop, fejn ma sar l-ebda immaniġġjar tas-saħħa, l-ebda investiment u l-ebda medical tourism minkejja l-ftaħir kollu, u li kieku onoraw l-obbligi tagħhom u l-investiment sar il-Gvern ma kienx ikollu għalfejn jagħmel make-shift tas-swali, li ġew ikkonvertiti biex fl-isptar joqogħdu iżjed nies u jagħmel prefabricated hospital li se jiġi jiswa l-miljuni.

Stephen Spiteri qal li l-emerġenza bl-imxija tal-COVID-19 f’pajjiżna qed toħloq sitwazzjoni fejn l-isptarijiet iridu jkunu mgħammra bl-aqwa tagħmir mediku u riżors uman. Huwa qal li Vitals u Steward naqsu milli jonoraw l-obbligi tagħhom u l-miljuni ta’ flus il-poplu li l-Gvern tahhom setgħu ġew investiti fil-kura għall-mard, għas-saħħa tal-anzjani u f’investiment fir-riċerka tal-mediċina. Stephen Spiteri qal li huwa insult meta tara li l-poplu jrid iħallas €100 miljun oħra minn butu biex jieħu lura l-isptarijiet talli dawn fallew mill-obbligi tagħhom. L-Oppożizzjoni ressqet din il-mozzjoni għax temmen li l-isptarijiet għandhom jiġu lura f idejn il-poplu, ahna lkoll se nivvutaw biex l-isptarijiet jingħataw lura lill-poplu.
Claudio Grech qal li nhar il-Ħamis għandna quddiemna mozzjoni li ġiet imressqa mill-Oppożizzjoni u li hija bbażata fuq artiklu li ġie ppublikat mill-Malta Today, li jiżvela restatement agreement ta’ €10 miljun li ġie ffirmat f’Awwissu tal-2019. Huwa qal li kellha tkun il-midja li jikxef li ġie ffirmat dan il-ftehim sabiex il-poplu jsir jaf bih.

Claudio Grech qal li l-Gvern fl-ebda stadju ma ċaħad dak li ġie żvelat mill-midja u li qegħda tgħid l-Oppożizzjoni. Huwa qal li qegħdin ngħixu f’sitwazzjoni surreali, meta hemm mozzjoni u se ssir id-diskussjoni fil-Parlament u d-dokumentazzjoni baqgħet ma ġietx ippubblikata, lanqas dan ir-restatement agreement. Fil-ftehim ma’ Vitals, fil-parti kummerċjali tara biss paġni li huma kompletament vojta fejn hemmhekk suppost li jkun elenkati iċ-ċifri li n-nies qegħdin iħallsu. Claudio Grech staqsa x’inhi r-raġuni li l-Gvern ma jippubblikax dawn il-kuntratti qabel isir id-dibattitu jekk m’għandux x’jaħbi. L-Oppożizzjoni qed tistenna li l-Gvern jonora l-obbligu tat-trasparenza lejn il-poplu u jippubblika l-ftehimiet kollha li hemm. Huwa qal li l-Ħamis li ġej kulħadd għandu quddiemu l-opportunità li juri fejn verament tħabbat qalbu fl-interess nazzjonali.
Din il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia, mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija Claudio Grech.
//= $special ?>