Coronavirus Ekonomija Lokali

Numru ta’ imprendituri mhux sodisfatti bl-iskema mħabbra mill-Gvern – MEA

Stħarriġ li sar mill-MEA qed juri li numru ta’ employers qed jagħmlu minn kollox biex iżommu l-ħaddiema tagħhom, anki jekk ħafna minn dawn in-negozji mhux sodisfatti bl-iskema mħabbra mill-Gvern.

Minn dan is-survey wera kif fl-aħħar xahar u nofs l-imprendituri kellhom nuqqas ta’ cashflow u għadhom qed jistennew li jirċievu din l-għajnuna mill-Gvern.

Filfatt, kif ħabbar Net News fl-aħħar jiem, ħafna negozji għadhom lanqas irċevew ċenteżmu f’għajnuna.

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-MEA qed titlob lill-Gvern biex ikun hemm tnaqqis fil-kontijiet tal-enerġija u li dawn jirriflettu l-prezzijiet internazzjonali. L-MEA qed titlob ukoll tnaqqis fir-rata tal-VAT biex b’hekk l-ekonomija tkun tista’ ftit ftit tibda tirkupra.

Intant, mill-istess stħarriġ li sar mill-employers jirriżulta li 60% tan-negozji mhux joperaw bis-sigħat kollha tas-soltu, u allura ġew affetwati direttament.

22% minn dawk li pparteċipaw qalu illi għandhom numru ta’ ħaddiema li tpoggew fuq unpaid leave. Jidher illi jekk il-kriżi tibqa’ għaddejja sal-aħħar ta’ Mejju, terz tan-negozji se jkollhom jagħtu s-sensji u 45% għadhom inċerti dwar x’deċizzjoni se jieħdu jekk il-kriżi tippersisti.