Minħabba li t-tlielaq tal-ibburdjar huma posposti b’mod indefinit minħabba miżuri ta’ distanzi soċjali kawża tal-Covid-19, ftit jiem ilu r-Royal Malta Yacht Club u l-iskola tagħha ħadu l-inizjattiva li jospitaw l-ewwel Regatta Virtwali għall-membri u baħħara.
Wara żewġ sessjonijiet ta’ prattika, b’kollox ħadu sehem 36 parteċipant li tellqu f’ambjent virtwali. Il-baħħara li rrappreżentaw klabbs lokali u internazzjonali, ġabu magħhom taħlita ta’ esperjenza fit-tlielaq tad-dinghies u keelboat. It-tlielaq bdew bil-flotta maqsuma fil-gruppi blu u isfar. Kull flotta kellha erba’ tlielaq ta’ kwalifikazzjoni. Imbagħad l-ewwel 18 għaddew għall-fażi finali li kien fiha żewġ tlielaq.
Ir-Regatta ntrebħet minn Peter Fagan tar-Royal Malta Yacht Club segwit minn Vishnu Saravanan tal-istess klabb. Matthew Micallef ta’ Birżebbuġa Sailing Club Freeport temm fit-tielet post. Il-kowċ tal-iskola tar-Royal Malta Yacht Club Alex Denisiuc qal li r-Regatta Virtwali hi l-aktar kompetizzjoni rinomata tal-eSport tal-ibburdjar fid-dinja. Aktar informazzjoni tista’ tinstab fil-website tal-klabb fuq www.rmyc.org jew fil-paġna ta’ facebook.
//= $special ?>