Lokali Qorti

Raġel mill-Mali jammetti li wettaq ħames serqiet minn djar privati fl-2015

Raġel mill-Mali ammetta quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li wettaq ħames serqiet minn residenzi privati ħames snin ilu. Mahamadou Fofana ta’ 24 sena li kien se jiskonta sentenza ta’ snin ħabs fuq tmien serqiet oħra u kien se joħroġ mill-ħabs nhar is-Sibt, 9 ta’ Mejju.

Wara li semgħet lil Fofana jikonferma l-ammissjoni tiegħu wara li ngħata ċ-ċans jaħsiba, l-Qorti talbet li jsir presentencing report qabel tingħata s-sentenza.

Kienu nvestigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun wasslu biex fl-aħħar sigħat ġew solvuti numru ta’ serqiet li twettqu fl-2015. Wara jiem ta’ analiżi forensiċi, il-Pulizija wassal għall-persuna li wettaq dawn is-serqiet.

Huwa ammetta li seraq fil-lejl ta’ bejn il-5 u s-6 ta’ Dicembru, fis-Swieqi; fit-8 ta’ Dicembru, fl-Imsida; fit-13 ta’ Dicembru, fil-Gżira, fil-lejl ta’ bejn is-16 u s-17 ta’ Dicembru, f’Birkirkara; u serqa oħra matul il-lejl ta’ bejn l-20 u l-21 ta’ Dicembru, f’Santa Venera.

Il-ħati qal li fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin huwa diġà qed jgħin lilu nnifsu għaliex hemm qed jagħmel il-pupi. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Wayne Camilleri li qal li ż-żagħżugħ kien jisraq għax ma kellux x’jiekol u biex iħallas il-kera.

.