Il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola, għamlet appell liż-żgħażagħ biex jagħtu servizz permezz tal-politika u jagħmlu karriera minnha għall-ġid tal-pajjiż. Dan l-appell għamiltu fid-dawl tal-attakki nsensittivi li qegħdin isiru fil-konfront tagħha.
Metsola ppreferiet iddawwar attakki ta’ mibgħeda f’pożittività fil-konfront tagħha u dawk li jħobbu l-politika u iddeċidiet li tuża messaġġ biex tħeġġeġ liż-żgħażagħ ta’ kull fehma biex jidħlu għall-karriera fil-politika.
Dan kollu hija qed tagħmlu wara kummenti ta’ mibgħeda mxerred fuq Facebook, fejn Metsola uriet messaġġ li kiteb dwarha, Mario Azzopardi, eks Direttur artistiku għall-V18. Dan meta hu ddeskriva lil Metsola bħala persuna “marida” u qal li “pajjiżha jobgħodha”.
Metsola qalet li minħabba l-impatt li l-coronavirus qed iħalli fuq in-nies, kienet se tħalli l-kumment tiegħu għaddej. Wara iżda ddeċidiet li tqajjem punt pożittiv.
Qalet li mingħajr ma tidħol f’kontroversji dwar partiti, xtaqet turi solidarjetà u sserraħ moħħ iż-żgħażagħ li qegħdin fil-politika jew li qed jaħsbuha u jixtiequ jidħlu f’partit politiku, li l-politika mhix kif qed jagħmilha Mario Azzopardi, iżda hija mpenn.
Roberta Metsola għamlet appell ukoll li persuni femminili biex ma jaqtgħux qalbhom u li m’għandhom qatt jiġu intimidati minn kummenti baxxi bħal dawn. Qalet li l-politika hija prinċipji, valuri u issues fost affarijiet oħra li jagħmlu differenza għan-nies, u li b’din il-ħidma l-pajjiż ikun aħjar.
“Tħallux lil xi ħadd bħal dan jaqtgħalkom qalbkom,” saħqet Metsola.
Fid-dawl tal-attakki fil-konfront tagħha, hija qalet li se tibqa’ soda u solidali ma dawk li jixtiequ l-ġid u għandhom għal qalbhom lill-pajjiż. Hija stiednithom biex ikomplu jinfluwenzaw lin-nies favur is-sewwa u jersqu lejn il-politika.
L-MEP Nazzjonalista qalet ukoll li jekk il-ġenwini ma jagħmlux hekk ikun hemm riskju li l-postijiet vojta jintlew minn persuni li ma jkollhomx intenzjonijiet tajbin.
Sadanittant hija rringrazzjat lil kull min ta, qed jagħti u beħsiebu jagħti kontribut fil-politika b’mod ġenwin. Finalment hija assigurat lil Azzopardi li t-tgħajjir, it-tixwix u l-mibgħeda ma jbeżżgħuhiex iżda jagħtuha d-determinazzjoni biex taħdem aktar.
Dwar il-kumment ta’ Azzopardi fuq Metsola fuq Facebook kien hemm ħafna li wrew id-diżapprovazzjoni tagħhom għal lingwaġġ li mhuwx xejn ħlief att immatur matur indirizzat lejn Roberta Metsola minn xi ħadd li suppost jaf aħjar.
//= $special ?>