Ekonomija Lokali

X’ser jiġri mill-kontijiet tad-dawl?

Il-Prim Ministru Robert Abela ilu ftit iktar minn 100 jum fil-kariga iżda s’issa għadu qatt ma laqa’ l-istedina tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia għal dibattitu fuq it-televiżjoni.

Fl-ewwel jiem tiegħu bħala Prim Ministru, Robert Abela qalilna li m’għandu l-ebda problema jagħmel dibattitu ma’ Adrian Delia iżda aktar minn 100 ġurnata wara, minkejja li s’issa dejjem ħarab minn dan dibattitu, Robert Abela reġa’ qalilna kelma b’kelma l-istess kif kien qal l-għada li kien ħabbar il-Kabinett il-ġdid tiegħu.

Intant, fid-dawl tal-fatt li l-prezz taż-żejt niżel f’livell ta’ prezz rekord mill-1999 l’hawn, il-Partit Nazzjonalista ilu ġimgħat sħaħ jipproponi biex l-kontijiet tad-dawl u l-ilma jitraħħsu f’dan iż-żmien fejn il-familji Maltin u Għawdxin qed iħossu d-daqqa li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19.

Il-Prim Ministru s’issa dejjem baqa’ jinjora din il-proposta biex jgħin lill-poplu Malti, iżda issa jidher li qed jikkonsidraha hekk kif qalilna li mhu jeskludi xejn.

Din hi waħda fost il-ħafna miżuri li propona l-Partit Nazzjonalista biex jiġu mgħejjuna l-familji Maltin u Għawdxin. Min naħa l-oħra l-Gvern nefaq 12,693.82 Ewro għall-konferenza tal-aħbarijiet. L-istess konferenza li fiha Robert Abela kien ftaħar li se jagħti l-paga tiegħu ta’ xahar bħala donazzjoni għall-ġlieda kontra l-pandemija. L-ammont ta’ flus li ta mill-paga tiegħu l-Prim Ministru lura fl-24 ta’ Marzu kien jammonta għal madwar 4,000 ewro.

L-anqas m’huma terz ta’ kemm intefaq minn flus il-poplu Malti dakinhar. Dan filwaqt li eluf ta’ ħaddiema għadhom jistennew xi miżura tal-Gvern li tgħinhom ilaħħqu mal-ħajja f’dan iż-żmien kritiku. L-aktar settur milqut kien dak tat-Turiżmu iżda l-Ministru tat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli ma kellha xejn xi tgħid dwar dan.