Formula 1 Sport

19-IL SENA ILU: Schumacher jirbaħ il-Grand Prix ta’ Spanja wara sfortuna ta’ Hakkinen fl-aħħar dawra

(Ritratt: EPA)

29 TA’ APRIL 2001

Dsatax-il sena ilu Michael Schumacher rebaħ il-Grand Prix ta’ Spanja b’mod fortunat. Dan wara li bi sfortuna kbira, is-sewwieq ta’ McLaren Mika Hakkinen kellu jirtira fl-aħħar dawra meta kien fuq quddiem, kawża ta’ problemi fil-magna, b’duħħan ħiereġ min-naħa ta’ wara tal-karozza.

Sa qabel l-inċident, Hakkinen kellu vantaġġ aktar minn komdu ta’ 42.5 sekonda fuq Schumacher u għalhekk kien evidenti li Hakkinen kien riesaq lejn ir-raba’ rebħa konsekuttiva tiegħu fil-Grand Prix ta’ Spanja. Wara t-tellieqa, Hakkinen qal li kellu problemi fil-clutch filwaqt li ma setax jonqos li Schumacher juri d-dispjaċir għall-isfortuna ta’ Hakkinen.

Juan Pablo Montoya spiċċa fit-tieni post biex kiseb l-ewwel podju fil-karriera tiegħu fil-Formula 1 u l-Kanadiż Jacques Villeneuve ta’ BAR temm fit-tielet post, segwit minn Jarno Trulli ta’ Jordan, David Coulthard ta’ McLaren u Nick Heidfeld ta’ Sauber.

It-tellieqa kienet l-ewwel waħda mill-1993 li fiha ntużat is-sistema elettronika ta’ traction control, b’inawgurazzjoni wkoll tal-launch control u seven speed gear boxes kompletament awtomatiċi.