Futbol Sport

30 SENA ILU: Sliema Wanderers jirbħu l-FA Trophy b’gowl lejn it-tmiem ta’ Hubert Suda

29 TA’ APRIL 1990

Sliema Wanderers rebħu l-FA Trophy wara nuqqas ta’ 11-il sena b’rebħa ta’ 1-0 fil-finali kontra Birkirkara. B’dan is-suċċess, Sliema rebħu dan l-unur għal rekord 17-il darba u qabżu lil Floriana. Din kienet l-ewwel darba wkoll li Sliema rebħu l-FA Trophy fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali. Fuq in-naħa l-oħra, din kienet it-tieni finali Birkirkara iżda reġgħu ħarġu telliefa.

Finalment kienet l-esperjenza ta’ Sliema li tathom ir-rebħa, bit-tim ta’ Birkirkara joffri oppożizzjoni denja u anki kellu l-okkażjonijiet tiegħu. Is-Slimiżi kienu l-aktar perikolużi bil-kontrattakk għalkemm kienu l-aktar viċin li jiftħu l-iskor.

Is-Slimiżi setgħu skorjaw qabel tmiem l-ewwel taqsima. Minn free-kick ta’ Caruana, il-ballun ħadu Roger Walker li bir-ras komplieh lura. Raykov niżżel b’sidru lill-gowlkiper Ciantar li iżda kien ħiereġ minn postu biex jilħaq qabel. Fortunatament, il-ballun baqa’ jitkaxkar u ħabat ma’ sieq il-lasta qabel spiċċa korner.

Fit-tieni taqsima, kien is-sostitut Karkariż Borg li biegħed f’korner minn fuq il-linja, wara daqqa ta’ ras ta’ Michael Taliana. Sliema komplew jattakkaw u kien imiss lil Roger Walker li minn mal-linja ra l-cross shot jaħbat mal-mimduda. Ftit wara, l-istess Walker rebaħ ballun f’nofs il-grawnd u b’ħarba tipika tiegħu, avvanza iżda quddiem Ciantar ta l-ballun jaħbat mal-wieqfa. Fit-82 minuta gowl ta’ Simon Grech għal Sliema ġie ġustament imħassar għal offside.

Il-gowl tar-rebħa wasal fid-90 minuta. Minn kross ta’ Grech, il-ballun ġie blokkat parzjalment minn Ciantar, b’Gauci jiżloq. Il-ballun spiċċa għand HUBERT SUDA li b’xutt fil-baxx rebbaħ il-logħba lil Sliema. Birkirkara pprotestaw mal-gowl għal offside minħabba li max-xutt ta’ Suda, Walker deher fuq il-linja tal-lasta iżda r-referee Charlie Zerafa kkonvalida l-gowl. Fi tmiem il-logħba, il-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien George Abela ppreżenta t-trofew lill-captain ta’ Sliema Wanderers John Caruana.