“Leħen qawwi u kontinwu lil Għawdex fil-Parlament”
“Sodisfazzjon kbir li mozzjoni li ressaqt jien ġiet approvata b’ mod unanimu mill-membri kollha tal-Parlament issa ser taghti lehen qawwi u kontinwu lil Ghawdex fil-Parlament”.
Hekk sostna fuq il-midja soċjali l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex, Chris Said, wara li l-Parlament approva l-membri tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet ta’ Għawdex.
Il-membri fuq il-kumitat huma l-parlamentari Għawdxin miż-żewġ naħat tal-kamra b’ Justyne Caruana bhala Chairperson, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u l-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo nnominati mill-Gvern, waqt li l-sitess Chris Said u Kevin Cutajar ġew nominati mill-Oppożizzjoni. Is-sitt membru parlamentari Għawdxi, Frederick Azzopardi nħatar bħala membru sostitut.
Chris Said sostna li f’isem il-Partit Nazzjonalista ser ikun qed jipproponi mill-ewwel kif il-gżira Għawdxija ser tkun qed toħroġ mill-imxija ta’ Covid-19 bl-inqas danni possibbli.
Intant, l-Assoċċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu spjegat li tinsab sodisfatta bil-ħolqien ta’ dan il-kumitat u awgurat lill-membri tiegħu l-ħidma t-tajba.