Ewropa Lokali

“Bżonn li jiġu allokati fondi Ewropej għall-ġurnaliżmu” – MEP David Casa

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa

“Hemm bżonn li jiġu allokati fondi Ewropej ghall-ġurnaliżmu indipendenti madwar l-istati membri tal-Unjoni Ewropea”.

Dan kien l-appell li għamel lill-Kummissjoni Ewropea l-Membru Parlamentari Ewropew u Kwestur tal-Parlament Ewropew, David Casa, fejn ingħaqad ma’ membri parlamentari oħra f’din is-sejħa.

F’appell ġenwin huma qed jagħtu s-sostenn tagħhom għal ġurnalisti investigattivi. David Casa sostna li fil-jiem li ġejjin il-Kummissjoni Ewropea mistennija tippubblika l-proposti ġodda għal baġit Ewropew tas-7 snin li ġejjin; 2021-2027 u għaldaqstant numru ta’ membri parlamentari Ewropej qed jappellaw sabiex l-Unjoni tiddedika fond permanenti għall-ġurnalisti.

David Casa saħaq li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-kmamar medjatiċi kawża tal-kriżi pandemika tal-Coronavirus poġġiethom f’qagħda prekarja, inkluż dawk lokali.

Huwa saħaq li ġurnaliżmu mingħajr biża’ huwa punt fundamentali għal kull pajjiż li jissejjaħ wieħed demokratiku u dawn il-prinċipji huma fil-qalb tal-valuri tal-Unjoni Ewropea.

Għaldaqstant, David Casa appella lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tieħu miżuri kuraġġużi u effettivi sabiex flimkien niddefendu dawn il-prinċipji fondamentali u nsaħħu l-libertà tal-istampa grazzi għal dan il-fond Ewropew.