Internazzjonali

Covid-19: Mal-1.5 biljun jistgħu jitilfu xogħolhom minħabba l-pandemija

L-Organizzazzjoni tax-Xogħol Internazzjonali (ILO) wissiet li madwar nofs il-ħaddiema madwar id-dinja jinsabu f’periklu li jitilfu xogħolhom. Intant, żdiedet il-possibbiltà li ‘jisfumaw’ il-mezzi għall-għajxien ta’ dawn in-nies waqt l-agħar żmien ta’ kriżi għad-dinja, f’għexieren ta’ snin.

Is-sitwazzjoni traġika li qed tiżviluppa hi dovuta għall-pandemija tal-coronavirus (Covid-19) u meta hu kalkulat li l-ammont ta’ ħaddiema milqutin għandu jlaħħaq mal-1.5 biljun.

Il-Covid-19 infetta ‘il fuq minn 3.1 miljun persuna madwar id-dinja minbarra li ħalla madwar 220,000 vittma fuq skala globali.

Intant, meta tkellmet dwar ‘il-kriżi fil-qasam tax-xogħol’, l-ILO wissiet li l-ħaddiema l-aktar f’periklu li jitilfu ħobżhom huma dawk marbutin ‘bl-arranġamenti tax-xogħol informali.

Ħafna minn dawn il-ħaddiema huma impjegati mal-industrija tal-ikel u tal-manifattura.

Illum, hemm diġà maż-żewġ biljun ħaddiema ‘informali’ li s-salarji tagħhom tnaqqsulhom b’medja globali ta’ 60 fil-mija, waqt l-ewwel xahar tal-pandemija.

Id-Direttur-Ġenerali tal-ILO, Guy Ryder, tenna li ‘għal miljuni ta’ ħaddiema, in-nuqqas ta’ dħul ifisser ċar u tond li se jkunu neqsin mill-ikel u s-sigurtà u meta fuq kollox iridu jiffaċċjaw futgur imdallam’.

Ħafna minn dawn il-ħaddiema vulnerabbli la għandhom il-flus imfaddlin u lanqas aċċess għall-mezzi tal-kreditu. Dan meta Guy Ryder qed ifisser lill-ħaddiema partikulari bħala ‘il-vera uċuh tad-dinja tax-xogħol li jistgħu jinqerdu minn fostna jekk kemm-il darba ma jingħatawx l-għajnuna immedjata’.