Coronavirus Futbol Sport

Dybala għad għandu l-coronavirus wara li għamel ir-raba’ test

(Ritratt: EPA)

Rapporti fil-media internazzjonali qed jgħidu li l-attakkant ta’ Juventus Paulo Dybala baqa’ pożittiv għal coronavirus wara r-raba’ eżami f’sitt ġimgħat biss. L-Arġentin kien ikkonfermat pożittiv fil-21 ta’ Marzu flimkien mat-tfajla tiegħu Oriana Sabatini.

Hu kien l-ewwel plejer minn tlieta ta’ Juventus li kellhom il-coronavirus. Riċentament Dybala tkellem dwar kif hu u t-tfajla tiegħu kienu qed iħossuhom aħjar iżda jidher li sa issa għadhom xorta bil-virus f’ġisimhom. “Kellna aktar sintomi bħal sogħla, ġisem għajjien u meta konna norqdu kont inħoss ħafna kesħa, imma mill-klabb qalulna li konna se nkunu tajbin għalhekk irridu nkunu kalmi,” qal Dybala.

Blase Matuidi u Daniele Rugani kienu l-plejers l-oħra li kellhom il-coronavirus wara li l-klabb għamel testijiet fuq il-plejers kollha x-xahar li għadda. Il-klabbs Taljani huma mistennija jirritornaw għat-taħriġ individwali fl-4 ta’ Mejju qabel jirritornaw fi grupp fit-18 ta’ Mejju, hekk kif qed ikun ippjanat li s-Serie A jirritorna.