Lokali

Għal darb’oħra l-Gvern jaħrab mill-ġurnalisti

‘Konferenza tal-aħbarijiet’ mingħajr ġurnalisti

L-Erbgħa filgħodu l-Ministru Owen Bonnici flimkien mal-Ministru Ian Borg u s-Segretarji Parlamentari Chris Agius u Clifton Grima ndirizzaw ‘konferenza tal-aħbarijiet’ mingħajr ebda preżenza tal-ġurnalisti.

Għal darb’oħra l-Gvern Laburista ssokta bis-serjè ta’ okkażżjonijiet fejn il-midja ma ġietx mistiedna – aġir innotat ukoll minn Reporters Without Borders dwar it-tfixkil fil-midja minn naħa tal-Gvern u d-daqqa fil-konfront tal-libertà tal-istampa f’pajjiżna, speċjalment fiċ-ċirkostanzi li qed ngħixu fihom illum.

Dan hekk kif illum tħabbar li 4 proprjetajiet li l-Università diġà tamministra; Kampus ġewwa x-Xewkija t’Għawdex, Junior College, l-Università Antika fil-Belt Valletta u l-Kampus f’M’Xlokk Solar Research Lab, ser ikunu qed jgħaddu uffiċjalment għal għand l-Università ta’ Malta.

Madanakollu, l-Ministru għall-Edukazzjoni u Xogħol Owen Bonnici falla milli jgħid x’ser ikun qed jiġri mill-eżamijiet universitarji flimkien mas-sena akkademika li jmiss u n-numru ta’ persuni li qed jitilfu l-impjiegi tagħhom kawża tal-kriżi pandemika.

Dan filwaqt li l-Ministru għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg, falla milli jixħet aktar dawl dwar it-twaqqif tax-xogħolijiet infrastrutturali madwar il-pajjiż l-għaliex ma fadalx iżjed post fejn jintefa’ r-radam.